Wara li l-Ministru ħatar bord a tenur tal-artiklu 3 u 4 tal-Att dwar l-inkjesti (kapitolu 274 tal-liġijiet ta' Malta) sabiex jiġu stabbiliti l-fatti, il-proċessi, il-proċeduri u s-sistemi tal-MCAST dwar:
a) Il-payroll bil-għan li jiġu stabbiliti r-responsabbiltajiet amministrattivi, ċivili u/jew kriminali fejn ikun applikabbli;
b) Li jiġi investigat u stabbilit jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-proċessi, il-proċeduri u d-deċiżjonijiet meħuda minn uffiċjali tal-MCAST għal dan il-każ ta' frodi u miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi;
c) Li jiġi stabbilit jekk fis-sistema kurrenti utilizzati mill-MCAST hemmx mekkaniżmu awtomatiku li jidentifika attivitajiet suspettużi jew ta' natura li ma tirriflettix governanza tajba;
d) Il-Bord ta' Inkjesta hu awtorizzat jaħtar kwalunkwe espert li jkun meħtieġ;
e) Sabiex tislet il-konklużjonijiet u jitressqu dawk ir-rakkomandazzjonijiet neċessarji, kemm regolatorji kif ukoll amministrattivi fl-MCAST.
Dan il-bord żamm diversi seduti fejn sema' diversi xhieda u eżamina diversi dokumenti sabiex ħejja r-rapport li jingħata lill-ministeru.
Il-Bord ħejja rapport tekniku li jelenka x-xogħol li sar mill-istess bord, wettaq analiżi tar-rapporti esebiti, kif ukoll opinjoni fuq ix-xhieda li sema'. Saru konklużjonijiet dwar livelli ta' tmexxija u amministrazzjoni tal-MCAST u l-governanza tal-istess entità. Il-Bord ta' Gvernaturi għandu dmir li jara li l-eżekuttiv jimplimenta u jeżegwixxi r-rakkomandazzjonijiet ta' dan l-istess rapport.
Ir-rapport jisħaq li l-problemi relatati ma' payroll ġew analizzati u instabu li mhumiex ta' livell għoli. L-inkjesta nnutat illi jidher li din il-problema qed tingħata l-attenzjoni dovuta u hu mistenni li ma tirrepetix ruħha.
Il-Bord ikkonstata li aspetti li għandhom x'jaqsmu mal-finanzi u payroll u b'mod ċar indika li dawn iridu jitjiebu u jingħataw l-attenzjoni dovuta.
Ir-rapport huwa ċar u jindika li l-livell tal-amministrazzjoni u governanza għandhom jitjiebu billi jkun hemm tibdil neċessarju li ma jħares lejn wiċċ ħadd. Is-sistemi, l-istrutturi, il-kompożizzjoni, l-irwoli u l-proċeduri għandhom jiġu riveduti u fejn hemm bżonn mibdula.
Jiġi nnutat ukoll li ma kienx hemm rappurtaġġ korrett minn uffiċjali tal-Kulleġġ lejn il-Ministeru u uffiċċji oħra varji dwar l-implimentazzjoni tar-rapport tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO). Abbażi ta' dan ir-rapport ser ikun hemm proċeduri dixxiplinarji kontra individwi li b'xi mod jew ieħor naqsu fil-qadi ta' dmirijiethom.
Il-Ministeru se jassigura li jkun hemm implimentazzjoni tal-istess rapport min-naħa tal-MCAST fir-rispett ta' proċeduri paralleli li diġà għaddejjin fil-qrati ta' Malta. Sabiex jiġi evitat kull ekwivoku ma' din l-istqarrija qed tiġi annessa l-covering letter tal-istess inkjesta.