Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/10/2025 | Press release | Distributed by Public on 04/11/2025 07:16

STQARRIJA MILL MINISTERU GĦALL ĠUSTIZZJA U R RIFORMA TAS SETTUR TAL KOSTRUZZJONI Tidħol fis seħħ ir riforma fl inkjesti maġisterjali

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, iħabbar li llum kien ippubblikat l-Att Nru VIII tal-2025 u daħlu fis-seħħ l-emendi fil-Kodiċi Kriminali, Kapitlu 9 tal-Liġijiet ta' Malta, li jirriformaw l-inkjesti maġisterjali. Din hija riforma oħra minn sensiela ta' riformi mwettqa mill-Gvern fis-settur tal-ġustizzja, li jixhdu l-impenn bla preċedent f'pajjiżna li jissaħħaħ l-aċċess għal ġustizzja u r-rispett lejn is-saltna tad-dritt.

Dawn l-emendi jsegwu l-pass storiku u kuraġġuż li ħa l-Gvern is-sena li għaddiet, meta wara l-ħatra ta' erba' maġistrati addizzjonali, l-inkjesti bdew isiru minn grupp ta' erba' maġistrati speċjalizzati u ffukati biss fuq inkjesti. Dan kien pass intiż biex mhux biss titjieb l-effiċjenza fis-servizz, imma wkoll il-kwalità.

It-tibdil leġiżlattiv, filwaqt li rrifletta dawn l-iżviluppi fis-settur tal-ġustizzja, ħoloq termini u skadenzi stabbiliti, drittijiet ġodda statutorji lill-vittmi, rispett lejn drittijiet fundamentali, rwoli definiti u kontabbiltà finanzjarja u fil-ħatra tal-esperti. Permezz ta' din ir-riforma l-vittmi jew qrabathom, ser ikollom id-dritt li jkunu aġġornati kull sitt xhur bl-andament tal-inkjesti, ser ikunu jistgħu jingħataw kopja b'xejn tal-proċess verbal, kif ukoll ser ikunu infurmati dwar jekk tkunx ittieħdet deċiżjoni li ma tinbediex prosekuzzjoni.

Din ir-riforma tintroduċi wkoll emendi fl-inkjesti fuq talba taċ-ċittadin privat. Bil-proċedura l-ġdida mhux biss mhuwa se jiċċaħħad ebda aċċess għall-ġustizzja, iżda saħansitra jekk ma jkunx hemm eżitu mill-investigazzjoni tal-pulizija, il-proċess tal-konsiderazzjoni tat-talba biex tinfetaħ inkjesta ġie saħansitra elevat għal quddiem il-Qorti Kriminali preseduta minn imħallef, li jkun hu li jiddeċiedi jekk ikunx hemm lok li tibda inkjesta maġisterjali minn maġistrat inkwerenti.

"Iċ-ċittadin kien jiċċaħħad mid-dritt li fuq inizjattiva tiegħu ssir inkjesta maġisterjali, li kieku l-Gvern mexa kompletament mar-rakkomandazzjonijiet li sarulu matul is-snin dwar dawn l-inkjesti. Fil-fatt kemm il-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja (30 ta' Novembru 2013) kif ukoll il-Kummissjoni ta' Venezja fl-opinjoni tagħha ta' Diċembru 2018 kienu rrakkomandaw illi dawn l-inkjesti għandhom jgħaddu għand is-Servizz tal-Prosekuzzjoni u ma jibqgħux jitmexxew mill-maġistrati. Minflok il-Gvern b'responsabbiltà għażel it-triq li jsaħħaħ l-ispeċjalizzazzjoni tal-maġistrati u dan b'investiment bla preċedent, li issa ġie wkoll ikkumplimentat b'tibdil leġżlattiv b'rispett lejn l-impenn ċar li għandna bħala Gvern fil-Manifest Elettorali," saħaq il-Ministru Jonathan Attard.

F'dak li jirrigwarda l-ħatriet u l-kontabbiltà tal-esperti, filwaqt li l-ħatra hija fid-diskrezzjoni tal-maġistrat, madanakollu espert għandu jkun persuna fiżika u mhux kumpanija u jekk mhux fil-lista ta' esperti jrid jgħaddi minn proċess ta' due diligence li jitmexxa taħt is-superviżjoni tal-magistrat. Marbut mal-aspett tal-ħlas tal-esperti, fejn l-ispiża jkun hemm aspettativa li ser taqbeż il-€50,000, il-maġistrat irid jiġġustifika din it-talba u jitlob l-approvazzjoni tal-Prim Imħallef.

Dawn l-emendi legali kienu dibattuti f'aktar minn disa' seduti parlamentari fit-tieni qari, u għal madwar seba' sigħat oħra fi stadju ta' kumitat, b'interventi mill-pubbliku u s-soċjetà ċivili. Fl-istadji parlamentari l-Gvern ressaq emendi li komplew isaħħu l-indipendenza u l-awtonomija tal-maġistrat inkwerenti u dan minkejja li fin-natura tagħhom l-inkjesti ma jiffurmawx parti mill-qalba tal-funzjoni kostituzzjonali tal-ġudikatura kif irrimarkaw il-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni Venezja.

Il-Ministru għall-Ġustizzja jħares 'il quddiem biex fil-ġimgħat li ġejjin ikompli jimplimenta aktar riformi li jsaħħu l-ispeċjalizzazzjoni fis-settur tal-ġustizzja, inkluż bil-ħolqien ta' Qorti tal-Kummerċ speċjalizzata u bir-riforma fil-kumpilazzjonijiet fost riformi oħra li qed issir ħidma fuqhom.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 10, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 11, 2025 at 13:16 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]