Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

02/24/2026 | Press release | Distributed by Public on 02/25/2026 07:07

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI U L-AKKOMODAZZJONI: Jingħata bidu għal riforma nazzjonali għat-tisħiħ tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali


W
aqt Konferenza Nazzjonali, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul uffiċjalment ta bidu għal riforma nazzjonali biex jissaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Dawn il-bidliet se jassiguraw aktar ħin ta' kwalità għall-familji Maltin u Għawdxin, u jittrattaw l-estensjoni tal-Leave tal-Maternità u tal-Paternità, u t-tisħiħ tal-Leave tal-Ġenituri u r-Remote Working.

Din il-Konferenza Nazzjonali qed tlaqqa' taħt saqaf wieħed rappreżentanti tal-ħaddiema, lil min iħaddem, akkademiċi, professjonisti, ġenituri, nanniet, ħaddiema, għaqdiet mhux governattivi u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-isfera politika, u se sservi biex tinġabar informazzjoni li minnha se jitfassal id-dokument li mbagħad jgħaddi għal konsultazzjoni pubblika.

Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal illi l-Gvern huwa kommess li kemm il-leave tal-ommijiet, il-leave tal-missirijiet u anke dak tal-ġenituri jissaħħaħ. Huwa żied jgħid li apparti dawn il-miżuri, il-Gvern qed iniedi diskussjoni dwar l-estensjoni tar-remote working, f'setturi fejn huwa possibbli u fejn ma jkunx ta' xkiel għal produttività.

Dr Ellul staqsa wkoll jekk wasalx iż-żmien li t-tipi ta' leave differenti għall-ġenituri jinġabru kollha taħt il-kappa ta' Support Leave, bi qbil wiesa' dwar in-numru ta' jiem li għandu jkun relatat ma' dan il-leave. Għal dan il-għan, huwa ħabbar it-twaqqif ta' Kumitat Tekniku magħmul minn firxa wiesgħa u rappreżentattiva tas-soċjetà.

"Dan il-Kumitat se jkun qed jiġbor dak kollu li se joħroġ minn dan il-proċess ta' djalogu, iħejji dokument għall-konsultazzjoni pubblika, janalizza s-sottomissjonijiet u finalment jgħaddi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Gvern." Dr Ellul kompla jgħid li ladarba dan il-proċess jintemm, il-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn favur il-familji Maltin u Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li d-diskussjoni dejjem se ddur mal-bżonn kruċjali li jinħoloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Dr Ellul faħħar lill-imsieħba soċjali preżenti u l-ħidma tal-Gvern magħhom, li qal illi dejjem waslet għall-bilanċ u diversi miżuri ta' fejda fl-aħħar sena. Fosthom, semma' l-miscarriage leave, il-bereavment leave, l-urgent family leave, iż-żieda fil-pieni għal min jikser id-drittijiet tal-ħaddiema u l-prinċipju ta' Ħlas Ugwali għal Xogħol Ugwali.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul temm id-diskors billi appella għall-maturità. "Ejja nidħlu għal din id-diskussjoni b'maturità. Id-djalogu soċjali huwa għodda u mezz ta' diskussjoni li dejjem ħalla frott u riżultati konkreti."

Il-pubbliku huwa mistieden jipparteċipa u jagħti l-kontribut tiegħu f'din id-diskussjoni billi jħalli l-kummenti u s-suġġerimenti fuq https://socialdialogue.gov.mt/publications/preconsultation/

Ritratt: OPM_PS

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on February 24, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on February 25, 2026 at 13:07 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]