01/15/2026 | Press release | Distributed by Public on 01/16/2026 10:21
Huwa ta' pjaċir għalija li nilqagħkom ilkoll illum biex niċċelebraw il-bidu tas-sena l-ġdida. Nestendi lil kull wieħed u waħda minnkom ix-xewqat tiegħi għal sena mimlija suċċess, risq, u fuq kollox, saħħa.
Nibda billi nirringrazzjakom ilkoll għax-xogħol siewi li wettaqtu fl-aħħar 12-il xahar. Napprezza tassew l-isforzi tagħkom immirati lejn il-promozzjoni ta' kuntatti bilaterali, it-titjib tal-kummerċ, iż-żieda tal-kuntatti bejn il-popli permezz tat-turiżmu u l-iskambji kulturali, u l-assistenza konsulari liċ-ċittadini li jsibu ruħhom f'diffikultà meta jkunu qed iżuru pajjiżna.
Il-ħidma tagħkom għandha impatt dirett fuq ir-relazzjonijiet ta' Malta mal-pajjiżi li tirrappreżentaw u hija ta' valur kbir għal dawk il-kumpaniji Maltin li jixtiequ jespandu l-operazzjonijiet tagħhom fi swieq barranin.
Mill-Indipendenza fl-elf disgħa mija erbgħa u sittin (1964), Malta stabbiliet ruħha bħala sieħeb onest u affidabbli. Bħalma osservajt f'Jum ir-Repubblika, aħna nazzjon żagħżugħ, li minkejja l-isfidi kbar u fatturi esterni li kellna naffaċċjaw matul iż-żminijiet, konna kapaċi nibnu ekonomija vibranti u reżiljenti. Illum, Malta tinsab fid-disa' post fl-Unjoni Ewropea fil-GDP per capita, suċċess notevoli li jixhed ukoll il-bżulija tan-nazzjon u l-ħaddiema tagħna.
Fis-sena l-ġdida, ser inkomplu nirsistu sabiex insaħħu r-relazzjonijiet bilaterali tagħna u nesploraw toroq ġodda ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi differenti u li jaqsmu l-istess rieda tagħna. Matul is-sena li għaddiet, din l-ambizzjoni kienet riflessa permezz ta' żjarat ta' livell għoli, żjarat li wittew it-triq għall-konsultazzjonijiet politiċi u l-iffirmar ta' ftehim bilaterali ġodda.
Fl-elfejn ħamsa u għoxrin (2025), Malta nediet ukoll inizjattivi mmirati biex jiffaċilitaw dan it-tkabbir. F'Diċembru ġiet imnedija l-Politika ta' Qafas Reġjonali tal-Golf, li tistabbilixxi l-approċċ strateġiku ta' Malta għall-impenn ma' reġjun li mhux biss huwa ċentru għar-riżorsi tal-enerġija globali iżda wkoll ċentru dinamiku ta' tkabbir ekonomiku, rikkezza kulturali, u sinifikat ġeopolitiku.
Ix-xogħol tagħna fuq il-livell multilaterali wkoll baqa' miexi b'pass tajjeb. Bejn Mejju u Novembru, Malta kellha l-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn tajna prijorità lill-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, id-drittijiet tat-tfal, l-ugwaljanza, is-saltna tad-dritt u fuq kollox, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Iż-żewġ żjarat tiegħi ġewwa Strasburgu, li matulhom indirizzajt l-Assemblea Parlamentari u l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, kienu wkoll intiżi sabiex jenfasizzaw l-impenn ta' Malta fil-promozzjoni ta' dawn il-valuri.
Minbarra hekk, f'Marzu Malta ospitat il-Konferenza Internazzjonali dwar l-Istrateġiji Nazzjonali u Reġjonali kontra t-Terroriżmu, li spiċċat bl-adozzjoni tal-Valletta Principles.
F'Diċembru nedejna t-tieni Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, li jsaħħaħ l-impenn tagħna li nintegraw il-perspettivi tal-ġeneru fl-oqfsa nazzjonali u s-sistemi diplomatiċi tagħna.
Fix-xhur li ġejjin, Malta ser tniedi wkoll qafas iddedikat sabiex tkompli tistruttura l-impenn tagħha mas-sħab Afrikani, b'risposta għar-realtajiet reġjonali u globali li qed jevolvu. Nibqgħu impenjati li nkomplu ninvolvu ruħna mas-sħab Afrikani tagħna abbażi ta' partnerships u sapport għal approċċi mmexxija mill-Afrika għall-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp.
Bl-istess mod, nirrikonoxxu l-importanza li kontinwament qiegħda tikber tal-Asja u l-Oċeanja f'dinja dejjem aktar konnessa u globalizzata. Għalhekk, Malta qiegħda tħejji qafas iffukat li ser jenfasizza l-kontribut għani ta' dan ir-reġjun għat-tkabbir diplomatiku, ekonomiku, u kulturali tagħna.
Mistednin distinti
Ippermettuli noffri riflessjoni qasira dwar ix-xenarju internazzjonali usa'.
Qegħdin niffaċċjaw ambjent globali mmarkat minn kunflitt, tensjonijiet ġeopolitiċi, u sfidi li dejjem qegħdin jikbru għal-liġi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem.
Fil-viċinat immedjat tagħna, il-Mediterran għadu affettwat minn instabbiltà, inugwaljanzi soċjoekonomiċi, u l-impatt tat-tibdil fil-klima.
Fil-Lvant Nofsani, il-konsegwenzi umanitarji tal-kunflitt prolungat għadhom għaddejjin u jibqgħu ta' tħassib kbir.
Aħna nkomplu nemmnu li s-Soluzzjoni ta' Żewġ Stati tibqa' essenzjali biex tinkiseb paċi u stabbiltà dejjiema fir-reġjun, bit-tama li tirriżulta f'qafas fejn Iżrael u l-Palestina jistgħu jikkoeżistu fil-paċi, id-dinjità, is-sigurtà, u r-rikonoxximent reċiproku, u b'hekk titwitta t-triq għall-prosperità u d-djalogu.
L-aggressjoni illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna daħlet fir-raba' sena tagħha. Paċi ġusta u dejjiema, waħda li tirrispetta l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha, tibqa' meħtieġa b'mod urġenti.
Lil hinn mir-reġjun tagħna, l-iżviluppi fil-Venezwela u kriżijiet oħra li għaddejjin madwar l-Afrika, il-Lvant Nofsani, u bnadi oħra jenfasizzaw il-fraġilità tan-normi internazzjonali u l-ħtieġa għal tmexxija responsabbli, meqjusa, u li tiffavorixxi d-djalogu.
Fuq kollox, rispett reċiproku u fiduċja fil-fedeltà tan-nazzjonijiet lejn il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti huma s-sisien tal-fiduċja, rispett, u kooperazzjoni li fuqhom tinbena l-paċi dejjiema.
Oltre l-isfidi ġeopolitici hemm sfidi globali oħra li qed ikomplu jikbru. It-tibdil fil-klima qed tintensifika l-insigurtà u l-ispostament tal-persuni. Bl-istess mod, l-immigrazzjoni irregolari teħtieġ ukoll sforzi konġunti biex jiġi żgurat li l-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu, u ta' destinazzjoni ma jitħallewx jiffaċċjaw din il-kwistjoni tant delikata b'mod iżolat. Iridu jinżammu proċessi multilaterali biex jippromwovu l-immigrazzjoni sigura, ordnata, u regolari, filwaqt li l-umanità tal-immigranti trid dejjem tkun fiċ-ċentru tal-kunsiderazzjonijiet tagħna.
Teknoloġiji emerġenti, mill-kapaċitajiet ċibernetiċi sal-intelliġenza artifiċjali, jeħtieġu qafas ta' governanza robusti li jissalvagwardjaw il-fiduċja, is-sigurtà, u d-drittijiet tal-bniedem.
Dawn ir-realtajiet juru l-ħtieġa kontinwa li ninvestu fid-diplomazija, fid-djalogu, u fl-istituzzjonijiet li jappoġġjaw ir-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim. Dinja mmexxija mill-forza, aktar milli mill-prinċipji, tkun ta' dannu għall-pajjiżi kollha, u speċjalment għall-istati żgħar.
Għalhekk, irridu nibqgħu nosservaw u niddefendu bis-sħiħ il-valuri tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema multilaterali tagħna matul l-2026.
L-istorja wriet li meta id-drittijiet tal-bniedem, l-inklużjoni, u l-ftehim jiggwidaw l-azzjonijiet tagħna, il-paċi u l-prosperità jiffjorixxu.
Nirringrazzjakom, u għal darb'oħra nawguralkom l-isbaħ xewqat għall-2026.