02/25/2026 | Press release | Distributed by Public on 02/26/2026 09:08
Għandi pjaċir li nkun hawn fostkom illum għal din il-laqgħa annwali.
Nibda billi nirringrazzjakom tax-xogħol siewi li twettqu fl-Ambaxxati, ir-Rappreżentazzjonijiet, u l-Konsolati tagħna madwar id-dinja.
Intom il-leħen u l-wiċċ ta' Malta barra minn xtutna, u għalhekk, il-pożizzjoni tagħkom tesiġi aġir responsabbli u meqjus. Ix-xogħol tagħkom jitlob ukoll għarfien profond tal-pajjiżi u l-istituzzjonijiet li sservu fihom, flimkien ma' sens qawwi ta' inizjattiva sabiex issaħħu r-relazzjonijiet bilaterali, tiġbdu l-investiment, u twasslu il-vuċi ta' Malta ġewwa l-organizzazzjonijiet internazzjonali.
Intom ukoll punt ta' kuntatt essenzjali għad-dijaspora Maltija u għal dawk il-Maltin li jinqabdu f'xi diffikultà meta jkunu qed iżuru pajjiż lil hinn minn xtutnha.
Nifhem bis-sħiħ illi l-professjoni diplomatika ġġib magħha sfidi personali u sagrifiċċji familjali kbar, u dan ikompli jżid l-apprezzament tiegħi lejkom u lejn il-familji tagħkom.
Nitlobkom testendu dawn is-sentimenti ta' apprezzament u ringrazzjament lid-diplomatiċi Maltin u lill-istaff kollu li jservu fil-Missjonijiet Diplomatiċi rispettivi tagħkom.
Matul is-sena kelli l-okkażjoni li niltaqa' ma' uħud minnkom individwalment meta tkunu qed iżżuru pajjiżna, jew, fil-każ ta' Ambaxxaturi ġodda, waqt il-preżentazzjoni tal-ittri tal-ħatra. Matul dawn il-laqgħat, napprezza d-diskussjoni li nagħmlu flimkien u l-informazzjoni li tagħtuni dwar il-ħidma tagħkom, il-proġetti li qegħdin tfasslu, u dwar il-qagħda politika tal-pajjiżi li fihom toperaw.
F'dan l-ispirtu ta' djalogu kontinwu, din il-laqgħa annwali tippermettilna nwasslu dan l-għarfien għal livell kollettiv, u toffri pjattaforma unika biex jiġu skambjati perspettivi dwar kwistjonijiet ta' rilevanza kbira.
M'għandi l-ebda dubju li matul dawn l-erbat ijiem sawwartu d-diskussjonijiet bl-għarfien u l-esperjenzi tagħkom, u ser tkomplu tagħmlu dan fis-sezzjonijiet tal-lum. B'hekk, dan l-ispazju jkun jista' jservi ta' katalist għall-ideat u inizjattivi ġodda.
Eċċellenzi, sinjuri
Illum xtaqt ukoll naqsam magħkom ftit riflessjonijiet dwar is-sitwazzjoni globali.
Kif tafu sew, il-qagħda internazzjonali tibqa' waħda inkwetanti, b'numru kbir ta' konflitti u tensjonijiet li jirrikjedu l-attenzjoni sħiħa tagħna. Jumejn ilu, il-gwerra fl-Ukrajna daħlet fil-ħames sena tagħha, konflitt li qiegħed ikompli jkollu impatt negattiv fuq is-sigurtà u l-ekonomija tar-reġjun u tal-kontinent tagħna.
Fil-Lvant Nofsani, għalkemm il-ftehim li wassal għall-waqfien mill-ġlied għadu qed iżomm fis-seħħ, is-sofferenza umanitarja li ġabet magħha il-gwerra tal-Iżrael kontra l-Ħamas ser tibqa' tinħass għal żmien twil. Ir-rikostruzzjoni fil-medda ta' Gaza ser tieħu snin twal, kif ukoll il-fejqan mit-trawma psikoloġika li l-konflitt ħalla fuq il-popolazzjoni ċivili, speċjalment it-tfal.
Ejja ma ninsewx ukoll s-sitwazzjoni fix-Xatt tal-Punent, sfida kumplessa u ta' tħassib li taffettwa kemm il-Palestinjani kif ukoll l-Iżraeljani. Soluzzjoni ta' żewg stati, li tirrispetta d-drittijiet, s-sigurtà u l-aspirazzjonijiet taż-żewġ popli, tibqa' l-iktar triq viabbli għal paċi ġusta u permanenti, u huwa essenzjali li l-komunità internazzjonali tappoġġja d-djalogu lejn dan l-għan.
Fl-istess ħin, it-tensjonijiet bejn l-Iran, l-Iżrael, u l-Istati Uniti wkoll, qed iqajmu tħassib dwar il-paċi u l-proliferazzjoni tal-armi nukleari fir-reġjun, filwaqt li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ġewwa r-Repubblika Iżlamika tibqa' inkwetanti ferm.
Lejn in-nofsinhar ta' pajjiżna, is-sitwazzjoni hija wkoll waħda fraġli. Il-qagħda fil-Libja għadha waħda delikata fejn kwalunkwe ċaqliq jista' jkollu impatt fuq l-istabbilità tal-pajjiż, u fejn l-influwenza ta' atturi barranin għadha tħalli effett negattiv. Huwa kruċjali li nkomplu nappoġġjaw proċess imexxi mill-Libjani li jindirizza l-isfidi u jaħdem lejn gvern unit, stabbli u inklussiv.
Is-sitwazzjoni fi bnadi oħra tal-kontinent Afrikan ukoll iqajmu tħassib, bħal-preżenza ta' gruppi terroristiċi ġewwa l-punent u l-konflitt vjolenti u l-kriżi umanitarja fil-Lvant.
Ma nistawx ninsew ukoll l-azzjonijiet reċenti tal-Istati Uniti fil-Venezwela, flimkien ma' theddid ta' azzjoni militari fi Greenland, li enfasizzaw il-fraġilità tad-dritt internazzjonali.
Minkejja dan il-kuntest ġeopolitiku, huwa ta' sodisfazzjon kbir għalija li nara li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, taħt il-gwida tad-Deputat Prim Ministru Ian Borg, kompla jaħdem qatigħ sabiex il-politika barranija ta' Malta tibqa' rilevanti għaż-żminijiet tal-lum.
Is-sena l-oħra, Malta ġiet eletta fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Bureau d'Expositions; fil-Kumitat Permanenti tal-Kumitat Reġjonali għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; fil-Bureau tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità u l-Espressjoni tal-Ġeneru, u l-Karatteristiċi tas-Sess; u, aktar reċentement, għal darb'oħra, fil-Kategorija C tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
F'Marzu 2025, Malta ospitat il-Konferenza Internazzjonali dwar Strateġiji Nazzjonali u Reġjonali Kontra t-Terroriżmu, filwaqt li bejn Mejju u Novembru 2025, pajjiżna kellu l-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa.
Biex ikompli jtejjeb il-kummerċ u l-investiment mal-Golf, u biex jibni fuq ix-xogħol tal-ambaxxati Maltin f'dan ir-reġjun, f'Diċembru ġiet imnedija l-Politika Qafas Reġjonali tal-Golf.
Fix-xhur li ġejjin, Malta se tniedi wkoll qafas dedikat biex tkompli tistruttura l-impenn tagħha mas-sħab Afrikani, b'reazzjoni għar-realtajiet reġjonali u globali li qed jevolvu.
Bl-istess mod, u b'rikonoxximent tal-importanza dejjem tikber tal-Asja u l-Oċeanja, Malta qed tħejji qafas iffukat li se jenfasizza l-kontribut rikk ta' dan ir-reġjun għat-tkabbir diplomatiku, ekonomiku, u kulturali tagħna.
Kien ukoll ta' sodisfazzjoni kbir għalija nara li f'Diċembru li għadda saret it-tnedija tat-tieni Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali ta' Malta dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà. Dan il-pjan jikkonferma l-impenn ta' Malta għall-ugwaljanza u l-protezzjoni tan-nisa u l-bniet, u jibni fuq il-kisbiet tal-ewwel pjan. Allinjat mar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà, dan il-pjan jirrikonoxxi r-rwol kritiku tan-nisa fil-prevenzjoni tal-konflitti, il-medjazzjoni, u l-governanza.
Hekk għandna nkomplu nagħmlu f'dan il-kuntest ta' inċertezza, sabiex il-vuċi ta' Malta bħala pajjiż newtrali li jaħdem f'mod attiv favur il-paċi u l-liġi internazzjonali toħroġ aktar b'saħħitha minn qatt qabel. Malta m'għandiex poter militari jew ekonomiku. Il-poter li għandha Malta jinstab fil-kredibbilità, fis-saħħa, u fil-konsistenza tal-kelma tagħha.
Żommu dan quddiem għajnejkom fil-qadi ta' dmirijietkom, kif dejjem tagħmlu, u ħaddnu dawn il-valuri wkoll sabiex tkunu ukoll ta' eżempju pożittiv għad-diplomatiċi ġodda. Nerġa nisħaq: il-professjoni tagħkom tirrikjedi delikatezza kbira sabiex il-prinċipji u l-valuri li jmexxuna bħala nazzjon ikomplu jħallu impatt li jmur lil hinn minn xtutna.
F'dan l-aħħar xhur u ġimgħat, smajna diskorsi u messaġġi minn mexxejja dinjin iħabbru l-mewt tas-sistema multilaterali kif nafuha, u l-bidu ta' era ġdida. M'għandix dubju li bħala Ambaxxaturi ta' pajjiżna diġà waqaftu taħsbu ftit dwar l-implikazzjonijiet ta' dan ix-xenarju għal pajjiż bħal tagħna.
Dinja fejn min hu b'saħħtu jista' jhedded u jaħkem liż-żgħir; fejn id-drittijiet tal-bniedem jiġu mnaqqra u miċħuda; fejn il-kummerċ ħieles jitwarrab u t-tariffi jiġu użati bħala arma politika; fejn l-isforzi kollettivi biex itaffu l-impatt tat-tibdil fil-klima jiġu revokati; fejn il-pajjiżi affettwati mill-immigrazzjoni irregolari jitħallew waħidhom; u fejn ma jeżisti ebda kontroll fuq is-sigurtà ċibernetika, l-Intelliġenza Artifiċjali, u teknoloġiji ġodda oħra.
Dawn huma biss ftit mill-perikli li jkollna naffaċċaw jekk naċċettaw li ngħixu f'dinja fejn jipprevali l-ħsieb li l-qawwa hija kollox, u fejn il-vuċi taż-żgħir tintilef. Dinja fejn tipprevali l-liġi tal-ġungla.
Madanakollu, ma nistgħux naħarbu mir-realtà li s-sistema internazzjonali għaddejja minn kambjamenti profondi. Filwaqt li huwa importanti iktar minn qatt qabel li Malta tibqa' vuċi soda favur il-multilateraliżmu u l-prinċipji msejsa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-istess ħin, huwa daqstant importanti li nkunu aġli li naddattaw għal dawn id-dinamiċi ġodda.
Hemm bżonn ukoll li nkomplu nkunu vuċi kostruttiva favur Ewropa iktar magħquda u li hija kapaċi tieħu ħsieb l-interessi fundamentali tagħha stess. Jeħtieġ li nkomplu naħdmu fi ħdan l-Unjoni Ewropea sabiex nassiguraw is-sigurtà u l-prosperità fil-kontinent tagħna. Ewropa dgħajfa li mhijiex kapaċi tieħu ħsieb l-interessi essenzjali tagħha hija kkundannata li tibqa' dipendenti fuq forzi esterni u li tkun, konsegwentement, imwarrba mil-mejda tad-deċiżjonijiet.
Eċċellenzi, sinjuri
Nagħlaq billi nistidinkom biex tkomplu tibnu relazzjonijiet b'saħħithom ma' uffiċjali governattivi u ma' stakeholders f'setturi relevanti, u tibqgħu ssegwu b'attenzjoni dak li jkun għaddej Malta u lil hinn minnha. B'hekk, pajjiżna jkun jista' jkompli jibni fuq il-progress notevoli li rnexxielu jikseb tul is-snin.
Nistenna bil-ħerqa li individwalment nilqagħkom fil-Palazz ta' Sant'Anton meta tkunu Malta għal aktar skambju ta' fehmiet, u sabiex inkomplu nsaħħu dan id-djalogu flimkien. Sadanittant, nestendi għal darb'oħra l-apprezzament sinċier tiegħi għax-xogħol dedikat tagħkom, u nawgura lil kull wieħed u waħda minnkom is-saħħa u suċċess kontinwu.
F'isem pajjiżna, ngħidilkom grazzi.