Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva nieda l-ewwel Strateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, li ser tiggwida l-ħidma tal-pajjiż f'dan il-qasam għall-perjodu 2026-2031. Din l-istrateġija, imħejjija mis-Servizzi tas-Saħħa Mentali, tistabbilixxi qafas komprensiv ta' azzjonijiet immirati biex jissaħħu l-prevenzjoni, l-intervent bikri u f'waqtu, u s-servizzi ta' appoġġ għal persuni li jkunu f'riskju.
L-istrateġija tibni fuq il-qafas tal-Istrateġija għas-Saħħa Mentali għal Malta 2020-2030, u li torbot mal-miżuri 37 u 38 tal-Viżjoni Malta 2050 li tpoġġi s-saħħa mentali u l-benesseri tal-poplu Malti bħala prijorità nazzjonali u tgħin jiġu identifikati sfidi ta' saħħa mentali minn kmieni.
Il-Ministru għas-Saħħa u għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, irringrazzja lill-esperti u lill-partijiet kollha li kkontribwew għall-iżvilupp ta' din l-istrateġija, b'mod partikolari lil Dr Antonella Sammut li mexxiet ir-riċerka u ħejjiet l-ewwel abbozz tad-dokument.
"Din l-istrateġija tirrappreżenta pass importanti fil-ħidma tagħna biex inkomplu nsaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali u nipproteġu l-benesseri tal-komunità tagħna. Għalkemm Malta għandha waħda mill-inqas rati ta' mwiet b'suwiċidju fl-Ewropa, kull ħajja mitlufa hija traġedja li tħalli impatt kbir fuq il-familji u fuq is-soċjetà kollha," qal il-Ministru Abela.
Din l-istrateġija tinkludi miżuri li jsaħħu l-għarfien, itejbu l-aċċess għas-servizzi u jippromwovu intervent bikri. Il-Ministru Abela sostna kif il-prevenzjoni tas-suwiċidju hija responsabbiltà kollettiva. Qal li jeħtieġ approċċ li jinvolvi mhux biss lis-settur tas-saħħa iżda anke setturi oħra, kif ukoll il-komunità kollha.
Bħalissa Malta diġà toffri diversi servizzi ta' intervent f'każijiet ta' kriżi, fosthom is-Servizz tal-Emerġenza tal-Psikjatrija li jopera 24 siegħa kuljum mid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, il-Crisis Resolution and Home Treatment Team, il-Crisis Intervention Home Treatment Service għat-tfal u l-adolexxenti, kif ukoll il-helpline nazzjonali 1579.
Il-Ministru Abela spjega kif is-soċjetà qed tinbidel b'pass mgħaġġel u wieħed irrid iqis ukoll l-effetti li ħalliet warajha l-pandemija tal-COVID-19 fuq is-saħħa mentali. Din l-istrateġija hija mfassla biex tirrispondi għal dawn ir-realtajiet b'mod proattiv u inklussiv. L-għan ewlieni tal-istrateġija huwa li jissaħħu l-prevenzjoni, il-kuxjenza u s-sistemi ta' appoġġ, sabiex aktar persuni jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn fil-ħin.
"Il-messaġġ tagħna huwa ċar, kull ħajja tgħodd. Billi naħdmu flimkien bħala pajjiż, nistgħu nibnu soċjetà li tifhem aktar, tappoġġja aktar u tagħti tama lil dawk li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli," temm jgħid Dr Abela.