Permessi relatati mal-festa issa se jkunu jistgħu jinkisbu permezz ta' pjattaforma ġdida
Ġiet imnedija inizjattiva ġdida li se toffri servizz One-Stop-Shop lill-organizzazzjonijiet volontarji u l-persuni kollha involuti fl-organizzazzjoni tal-festi tradizzjonali. Din ġiet imnedija mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali flimkien mal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.
Permezz ta' pjattaforma ġdida se jiġi ssimplifikat il-proċess sabiex jinkisbu l-permessi kollha li għandhom x'jaqsmu mal-festi, liema inizjattiva twieldet waqt laqgħa pubblika li saret lejn tmiem l-2024. Matul din il-laqgħa, il-membri tal-komunità marbuta mal-festi stqarrew kif il-proċess biex jinkisbu l-permessi kien sar wieħed dejjem aktar kkumplikat, u kien jinvolvi diversi entitajiet separati. B'reazzjoni għal dan, il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jiżviluppa u jimplimenta servizz One-Stop-Shop li jiffaċilita l-proċess u jippermetti lill-organizzazzjonijiet volontarji jikkoordinaw il-festi b'mod aktar effiċjenti.
F'dan l-istadju, il-proċess se jkun limitat għall-kisba tal-permessi f'dak kollu marbut mal-festi, għajr l-aspett pirotekniku li se jkun marbut ma' stadju ulterjuri tar-riforma.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li, "Dan il-Gvern dejjem għamel mezz li jisma' x'għandu xi jgħid il-pubbliku, u din l-inizjattiva hija prova oħra tal-importanza li nagħtu lil dan. Ftit xhur biss wara li kellna l-ewwel laqgħa, għamilna r-riċerka u x-xogħol meħtieġ u investejna f'soluzzjoni li tagħmel il-ħajja ta' dawn l-organizzazzjonijiet aktar faċli."
"Ma aġixxejniex waħedna. Anzi, għamilna ħilitna biex nikkonsultaw b'mod estensiv mal-partijiet kollha interessati sabiex nassiguraw li nwettqu l-aħjar soluzzjoni possibbli. Issa nħarsu 'l quddiem biex naraw il-benefiċċji ta' din il-pjattaforma ġdida hekk kif ilkoll kemm aħna ngawdu proċess aktar effiċjenti biex b'hekk il-festi jistgħu jkomplu b'mod sigur u bla xkiel," temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri sostna li l-festi fl-ibliet u rħula huma waħda mill-isbaħ affarijiet li jagħmluna Maltin. Għalhekk, bħala Gvern, kif dejjem għamilna qegħdin inkunu ta' spalla mal-volontiera tal-festi.
"Dan il-One-Stop-Shop li qegħdin inħabbru llum tista' tgħid li tfassal minnkom, għaliex huwa frott id-djalogu li kellna magħkom bħala Gvern u li minnu nibtet din l-idea. Dan jirrifletti wkoll kif illum bdilna l-mod ta' kif jaħdem il-Korp. Illum il-Pulizija tarah viċin fejn tgħix, fejn taħdem, ma għadekx issibu biss f'postijiet speċifiċi bħall-għasses filwaqt li introduċejna per eżempju l-Community Police. Qegħdin naraw ukoll is-servizzi tal-Pulizija offruti wkoll onlajn. Dan juri kif il-viżjoni tagħna għal Korp aktar viċin in-nies qegħdin inwettquha u dan il-One-Stop-Shop huwa ħolqa oħra f'katina ta' servizzi aktar aċċessibbli u aqwa li qegħdin noffru llum," temm jgħid il-Ministru Byron Camilleri.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli laqgħet b'sodisfazzjoni is-sehem li se jkunu qegħdin jagħtu l-Kunsilli Lokali permezz tas-sistema tal-permessi sabiex jiġi ffaċilitat dan il-proċess b'mod aktar effiċjenti. Hija rringrazzjat lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali flimkien mal-Ministeri u dipartimenti kkonċernati tal-impenn tagħhom sabiex din is-sistema online saret possibbli.
Dan il-One-Stop-Shop hu frott kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l- Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol. Fost il-partijiet interessati li ffurmaw parti mill-proċess ta' konsultazzjoni kien hemm il-Korp tal-Pulizija ta' Malta, rappreżentanti tal-Gvern Lokali, u esperti fil-loġistika tal-festi.
Wara dawn il-laqgħat, beda x-xogħol biex tittejjeb il-pjattaforma https://localpermits.gov.mt/, biex l-organizzaturi tal-festi jkunu jistgħu japplikaw għall-permessi neċessarji u jtellgħu d-dokumenti meħtieġa minn pjattaforma waħda. Ladarba jiġu sottomessi, l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati b'mod effiċjenti biex jingħataw l-approvazzjonijiet meħtieġa fil-ħin.
L-ewwel fażi tal-proġett tkopri l-permessi għall-għeluq tat-toroq, kif ukoll għajnuna mill-pulizija u l-wardens għal marċi tal-banda, dekorazzjonijiet tal-festa u attivitajiet relatati.
Mary Ann Cauchi, COO għall-Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet: "Il-festi li jseħħu fl-ibliet u l-irħula f'Malta u Għawdex joffru stedina lill-membri kollha tal-komunità biex jipparteċipaw b'mod attiv f'diversi forom ta' espressjoni artistika. Permezz tal-Istrateġija tal-Kunsill għandna pjan ambizzjuż biex dawk kollha li jaħdmu biex isaħħu u jippreservaw dawn it-tradizzjonijiet jirċievu l-appoġġ meħtieġ sabiex ikomplu jagħmlu dan b'mod sostenibbli. Il-pjattaforma li qed tiġi mnedija llum tirrappreżenta pass ieħor importanti fil-prijoritizzazzjoni tal-kultura bbażata fil-komunità, filwaqt li toffri għajnuna prattika fuq medda ta' żmien twil."
Aċċess għall-pjattaforma huwa miftuħ għar-rappreżentanti legali tal-entitajiet volontarji kkonċernati. Dawn jistgħu jidħlu fis-sistema permezz tal-kredenzjali tal-e-ID tagħhom. Il-proċess tal-applikazzjoni huwa sekwenzjali u ggwidat sabiex jiffaċilita l-użu. Ser jiġu organizzati ukoll sessjonijiet ta' informazzjoni u taħriġ biex jgħin lill-utenti jsiru aktar familjari mas-sistema, filwaqt li jinkoraġġixxi l-adozzjoni bla problemi.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' żur www.servizz.gov jew iċempel fuq freephone 153.