Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

10/17/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/18/2025 02:22

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Borg jiltaqa’ mal-Ambaxxatur Palestinjan Hanania




Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg iltaqa' mal-Ambaxxatur Palestinjan Fadi Hanania, fl-Ambaxxata tal-Istat tal-Palestina f'Malta, is-Swieqi, din il-ġimgħa.

Il-laqgħa ffukat fuq ir-rikonoxximent uffiċjali ta' Malta tal-Istat tal-Palestina f'Settembru, kif ukoll fuq l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani, fosthom il-ftehim dwar il-Pjan ta' Paċi ta' Gaża, li ntlaħaq bl-appoġġ tal-Eġittu, il-Qatar u l-Istati Uniti, waqt il-Konferenza ta' Sharm el-Sheikh aktar kmieni dan ix-xahar.

Dr Borg qal li d-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jingħaqad ma' pajjiżi oħra sabiex uffiċjalment jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda f'Settembru tikkonferma mill-ġdid l-impenn dejjiemi ta' Malta favur paċi ġusta u dejjiema bejn Iżrael u l-Palestina, imsejsa fuq is-Soluzzjoni ta' Żewġ Stati b'Ġerusalemm bħala l-Kapitali taż-żewġ stati jgħixu ħdejn xulxin.

Malta qed tkompli tappoġġja lill-poplu Palestinjan permezz ta' għajnuna finanzjarja lil organizzazzjonijiet umanitarji fir-reġjun, opportunitajiet edukattivi għaż-żgħażagħ Palestinjani, kif ukoll l-evakwazzjoni medika u l-kura ta' tfal midruba f'Gaża, fost assistenza oħra.

Id-Deputat Prim Ministru Malti sejjaħ ukoll biex il-partijiet kollha, inkluż il-komunità internazzjonali, jaħdmu flimkien fit-twettiq tal-Pjan ta' Paċi ta' Gaża, biex jiġi żgurat li l-waqfien mill-ġlied jinżamm.

L-Ambaxxatur Hanania rringrazzja lil Dr Borg għaż-żjara tiegħu fl-Ambaxxata, u għall-ħidma internazzjonali ta' Malta favur il-Palestina. Saħaq dwar il-ħtieġa għal aktar sforzi sabiex tiżdied l-għajnuna umanitarja lejn Gaża, kif ukoll biex tibda r-rikostruzzjoni tagħha.

L-Ambaxxatur ħeġġeġ ukoll lil Malta u lill-komunità internazzjonali biex jibqgħu jappoġġjaw lill-komunitajiet Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u l-Lvant ta' Ġerusalemm, hekk kif sejjaħ għat-tmiem tal-bini tal-insedjamenti illegali, għall-ħelsien tal-priġunieri Palestinjani u t-tneħħija tal-ostakli għall-moviment ħieles.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on October 17, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on October 18, 2025 at 08:22 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]