Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

10/23/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/24/2025 05:31

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jattendi għal Summit tal-Kunsill Ewropew u s-Summit tal-Euro fi Brussell

  • It-tibdil fil-klima u l-appoġġ lill-Ukrajna jiddominaw l-aġenda tad-diskussjonijiet

"Filwaqt li nżommu l-livell għoli ta' ambizzjoni li għandna, irridu naraw li nilħqu l-miri tagħna mingħajr ma nitfgħu piżijiet sproporzjonati fuq il-familji u n-negozji tagħna." Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f'waħda mid-diskussjonijiet ewlenin ta' dan is-Summit.

Fil-kuntest tal-isforzi li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel biex issaħħaħ il-kompetittività globali, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li jittieħdu deċiżjonijiet ekwi u li jieħdu kont tar-realtajiet speċifiċi ta' kull Stat Membru, inkluż b'mod partikolari dawk tal-Istati Membri gżejjer bħalma huwa pajjiżna. Fl-interventi tiegħu, il-Prim Ministru insista li dawn ir-realtajiet iridu jkunu riflessi fil-leġiżlazzjoni li ser twassal lill-Unjoni Ewropea biex tilħaq il-miri klimatiċi li għandha għall-2040 u l-2050, u tenna li jridu jiġu evitati żbalji tal-passat billi l-impatt ta' kull pass ikun studjat fid-dettall mill-Kummissjoni Ewropea. Dan ġie rifless ukoll f'dikjarazzjoni li għamel pajjiżna u li ġiet annessa mal-konklużjonijiet formali tal-Kunsill Ewropew, fejn ġew deskritti r-realtajiet u l-bżonnijiet speċifiċi ta' Stati Membri gżejjer bħal Malta.

Tema oħra ewlenija fuq l-aġenda tal-mexxejja kienet dik dwar l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna, fejn il-Prim Ministru saħaq fuq is-solidarjetà kontinwa mal-poplu Ukren, filwaqt li mill-ġdid tenna li kull sforz lejn trattat tal-paċi, ġej minn fejn ġej, irid ikun sostnut. F'dan ir-rigward, il-mexxejja komplew jiddiskutu l-kunċett ta' Reparations Loan imressaq mill-Kummissjoni Ewropea, fejn għal darb'oħra l-Prim Ministru Robert Abela kien parteċipi b'mod attiv u saħaq fuq il-bżonn li jkun studjat aktar l-impatt fuq kull Stat Membru u fuq l-Unjoni Ewropea. Huwa tenna wkoll li l-eventwali proposta għandha tkun konformi mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, u li trid tkun rispettata n-newtralità Kostituzzjonali ta' pajjiżna.

F'taħdidiet dwar id-difiża u s-sigurtà fl-Ewropa, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li Malta tingħata l-libertà meħtieġa li biha titħalla topera u tikkontribwixxi fil-limiti tal-Kostituzzjoni. Huwa enfasizza li s-sigurtà tmur lil hinn mill-elementi tradizzjonali tad-difiża u qal li oqsma bħal dawk tas-sigurtà marittima, l-istat ta' tħejjija għal kriżijiet, u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika madwar il-Mediterran u l-viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jibqgħu ta' prijorità għal pajjiżna.

Il-Mexxejja ddiskutew ukoll temi oħra, fosthom l-akkomodazzjoni affordabbli kif ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, fejn il-Prim Ministru kompla jenfasizza l-importanza tal-immobilizzar ta' riżorsi u għajnuna umanitarja, partikolarment f'Gaża. Huwa semma kif bħalma pajjiżna ta sehmu fl-evakwazzjoni u fit-trattament ta' pazjenti tfal minn Gaża, hemm bżonn sforz b'saħħtu kollettiv xprunat mill-empatija u gwidat minn prinċipju waħdieni, dak tas-soluzzjoni ta' żewġ stati. B'hekk biss dan ir-reġjun ser jkun jista' jiżgura d-dinjità fil-Palestina kif ukoll is-sigurtà fl-Iżrael.

Il-Prim Ministru pparteċipa wkoll fis-Summit tal-Euro fejn tkellem dwar il-ħtieġa li nkomplu nsaħħu s-sostenibbiltà fiskali fit-tfassil tal-politika ekonomika għall-futur. Huwa qal li l-politika tal-Unjoni Ewropea trid tkun waħda ta' flessibbiltà u r-rispett lejn il-kompetenzi nazzjonali, filwaqt li tibqa' tassigura l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri.

Qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru pparteċipa wkoll f'laqgħa ta' koordinament dwar l-immigrazzjoni flimkien ma' tnax-il pajjiż ieħor u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-appoġġ kontinwu ta' pajjiżna favur sforz kollettiv u strateġiku quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni, b'enfasi fuq solidarjetà, responsabbiltà u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, inkluż dawk tal-oriġini u tat-tranżitu. Il-Prim Ministru qal li l-proċess tal-adozzjoni tal-liġijiet, partikolarment dwar ir-ritorn ta' dawk li ma jistħoqqilhomx l-ażil, għandu jkun aktar spedit, filwaqt li tenna l-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi u istituzzjonijiet oħra Ewropej, inkluż mal-Kunsill tal-Ewropa sabiex din l-isfida tiġi indirizzata b'mod ħolistiku.​​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on October 23, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on October 24, 2025 at 11:32 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]