Fl-okkażjoni ta' Jum il-Mara, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppremja 15-il storja ta' suċċess minn nisa Maltin li eċċellaw fis-setturi tagħhom u servew ta' ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet oħra ta' bniet u tfajliet.
Fost ir-rebbieħa tal-unuri kien hemm Dr Danika Marmara, Riċerkatriċi u d-Direttriċi tal-Cancer Care Pathways fiċ-Ċentru Sir Anthony Mamo li rebħet il-People's Choice Award bil-vot tal-pubbliku.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond Daniela Calleja Bitar ingħatat The Remarkable Woman Award u Sr Maria Adele Baldacchino, li ilha 70 sena twettaq il-ġid l-iktar fost il-priġunieri, rebħet The Lifetime Achievement Award. Dawn iż-żewġ rikonoxximenti ngħataw direttament fuq għażla ta' mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela.
L-unuri l-oħra kienu bbażati fuq nominazzjonijiet li daħlu mill-pubbliku, imsieħba soċjali u għaqdiet non-governattivi, u li r-rebbieħa tagħhom ġew magħżula mill-bord ta' MARA 2026 kompost minn Reno Bugeja, Josette Ciappara, Prof Stephanie Fabri, Prof Anton Grech u Sarah-Lee Zammit.
Fid-diskors tal-okkażjoni, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li dan ir-rikonoxximent tat-talent tan-nisa jibgħat sinjal li Malta se tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala l-art tal-ugwaljanza.
"F'dan il-pajjiż jeżisti talent straordinarju. Tfajliet u nisa li jqumu għall-okkażjoni, ħafna drabi 'l bogħod mill-attenzjoni pubblika, jagħmlu x-xogħol tagħhom, jipprattikaw il-passjoni tagħhom, u jeċċellaw fl-oqsma tagħhom," saħqet Dr Abela.
Lydia Abela qalet li meta tħares lejn bintha ta' 14-il sena, tara kuraġġ, determinazzjoni u ħolm li ma għandhomx limiti. Irrakkontat kif Giorgia tfakkarha li kull ġenerazzjoni ta' tfajliet tista' tasal aktar 'il bogħod minn ta' qabilha u li meta mara temmen fiha nnifisha, m'hemm xejn li jista' jwaqqafha.
Mart il-Prim Ministru sostniet li Malta għamlet avvanzi kbar 'il quddiem - minn żmien fejn in-nisa lanqas kellhom id-dritt tal-vot, għal żmien fejn żdiedet bil-kbir il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika u f'pożizzjonijiet tat-tmexxija.
Sfidi għan-nisa fadal ukoll. F'Malta, fl-Ewropa u fid-dinja kollha. Imma bħala pajjiż aħna magħmulin li, flok nilmentaw, nieħdu azzjoni.
Dr Abela semmiet kif, ftit jiem ilu biss, ingħata bidu għal riforma nazzjonali li ssaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Din il-ħidma se twassal għal bidliet li jassiguraw aktar ħin ta' kwalità għall-familji, u jittrattaw l-estensjoni tal-leave tal-maternità u tal-paternità, u t-tisħiħ tal-leave tal-ġenituri u r-remote working.
Mart il-Prim Ministru qalet li Malta hija l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea, iżda jirnexxilha tagħti edukazzjoni u saħħa b'xejn, toffri xibka soċjali għal min jiflaħ l-inqas, tattira l-investiment u toħloq il-karrieri. Pajjiż li jagħti s-serħan il-moħħ u serenità lil min jgħix fih. Dan is-sabiħ ta' Malta u Għawdex hu dovut għall-poplu kollha - nisa u irġiel.
"Ejja nkomplu nkunu l-vuċi tal-ugwaljanza. Ejja nkomplu nagħmlu ġustizzja ma' din is-soċjetà li tgħożż lil kulħadd. Il-kapitlu li jmiss fl-istorja ta' Malta u Għawdex se jkun l-isbaħ wieħed għas-sehem tan-nisa, daqs kemm tal-irġiel", temmet tgħid Dr Abela.
Intant, ir-rebbieħa kollha tas-serata MARA 2026 kienu dawn:
Valerie Brincat - Social Impact Award
Marica Gatt - Excellence in Education & Mentorship Award
Arielle Bonnici - Champion in Sports Award
Natasha Azzopardi Muscat - Resilience in Healthcare & Wellness Award
Daniela Calleja Bitar - Remarkable Woman Award
Maria Bugeja - Leader in Business Award
Mary Gaerty - Entrepreneurial Vision Award
Simone Borg - Environmental Activism Award
Lynn Claire Galea - Compassion for Animals Award
Danika Marmara - People's Choice Award
Francesca Camilleri Vettiger - Dedication in Public Service Award
Clare Azzopardi - Empowerment through Arts and Culture Award
Maria Azzopardi - Innovation in Science and Technology Award
Yasmine Shawish - Shape the Future Award
Sr Adele Baldacchino - Lifetime Achievement Award