Results

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

12/08/2025 | Press release | Distributed by Public on 12/09/2025 05:29

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI: €10.8 miljun f'investimenti b'finanzjament minn għotjiet min-Norveġja, l-Iżlanda u[...]


Iffirmati Memoranda ta' Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmi Finanzjarji
tan-Norveġja, u tal-Area Ekonomika Ewropea

Fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta, ġew iffirmati żewġ Memoranda ta' Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmi Finanzjarji tan-Norveġja, u tal-Area Ekonomika Ewropea. Dawn il-ftehimiet jistabbilixxu kif ser jintefqu €10.8 miljun fi proġetti ta' fondi allokati mill-Mekkaniżmi Finanzjarji rispettivi. In-Norveġja, l-Iżlanda u Liechtenstein qed jiffinanzjaw dawn il-mekkaniżmi skont obbligi ta' dawn il-pajjiżi fil-qafas tar-relazzjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea. Madwar €1.5 miljun jinħarġu minn fondi lokali biex jikkumplimentaw il-finanzjament tat-tliet pajjiżi l-oħra.

Għall-iffirmar tal-ftehimiet kien hemm preżenti l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi li f'diskors irrefera għal dak li kisbet Malta minn madwar €8 miljun mill-istess mekkaniżmu għall-perjodu bejn l-2014 u l-2021. Permezz ta' dawn il-fondi Malta investiet fi proġetti li tejbu l-kwalità tal-ħajja, saħħew l-istituzzjonijiet u mmodernizzaw servizzi essenzjali. Fost dawn il-proġetti kien hemm l-ewwel Sensory Integration Clinic għal tfal b'diżabilità, l-introduzzjoni ta' screening għal kundizzjonijiet partikolari fit-trabi tat-twelid u verifika tas-sigurtà tal-prodotti tad-demm.

Kien hemm inizjattivi li laħqu aktar minn 2000 tifel u tifla kif ukoll adolexxenti billi nstabu postijiet fi djar residenzjali għal minuri vulnerabbli u appoġġ lil madwar 500 żagħżugħ u żagħżugħa b'servizzi għal ħajja indipendenti. Kien hemm 170 minn dawn iż-żgħażagħ li fi żmien sena, komplew bl-edukazzjoni tagħhom, bdew jaħdmu jew tħarrġu. Issaħħet il-governanza permezz tat-taħriġ lil impjegati fi 68 Kunsill Lokali u 282 impjegat fl-amministrazzjoni pubblika.

Fis-settur kulturali, permezz tal-Mekkaniżmu ta' finanzjament li għadu kif temm ġew diġitalizzati madwar 7,000 oġġett fil-Mużew Marittimu filwaqt li permezz ta' diversi għotjiet żgħar ġew megħjuna diversi komunitajiet fit-twettiq ta' proġetti konnessi mal-kwalità tal-ħajja, l-inklużjoni u s-sostenibbiltà ambjentali. Dawn il-proġetti, stqarr il-Ministru Zrinzo Azzopardi, juru l-impatt pożittiv li ħallew dawn il-programm bl-iffinanzjar min-Norveġja, l-Iżlanda u Liechtenstein.

Il-Ministru saħaq li l-okkażjoni tal-lum tfakkar kif ir-riżultati li jagħmlu differenza huma riżultat ta' sforz komuni. Huwa rrimarka li l-kisbiet iseħħu permezz ta' koperazzjoni bejn il-ministeri, l-entitajiet pubbliċi, il-partijiet interessati u ċ-ċittadini. Il-Ministru rringrazzja lil kulħadd għall-kontribut u d-dedikazzjoni tagħhom.

Meta tkellem dwar l-iffinanzjar il-ġdid għas-snin 2021-2028, il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li Malta mill-ġdid qed tikkommetti ruħha li tikkollabora ma' dawn it-tliet pajjiżi biex tara li l-fondi miksuba jintużaw biex tonqos in-nuqqas ta' parita fl-oqsma soċjali u ekonomiċi bejn Malta u dawn il-pajjiżi u li tara li ssaħħaħ il-koperazzjoni magħhom.

Fil-proġetti taħt il-programm il-ġdid ser jintefqu aktar minn €2.2 miljun biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-protezzjoni ċivili u t-tħejjijiet tagħha għal kriżijiet li jistgħu jinqalgħu. Ser jintefqu wkoll €2 miljuni f'restawr u rinnovar sostenibbli ta' siti kulturali filwaqt li hemm ipprogrammata nefqa ta' €1.5 f'tisħiħ tal-kapaċità tal-personnel involuti fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Nefqa ta' €2.8 miljun se tkun iddedikata għall-iżvilupp ta' ħiliet speċjalizzati u appoġġ lil persuni b'diżabilità.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi wera r-rikonoxximent tiegħu għax-xogħol li sar biex tħejjew dawn il-proġetti partikolarment lis-Segretarju Permanenti s-Sur Jonathan Vassallo u li staff fit-Taqsimiet tal-Fondi u Programmi, u tal-Istrateġija u l-Implimentazzjoni tal-Ministeru. Huwa radd ħajr ukoll lir-rappreżentanti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tan-Norveġja u r-rappreżentanti mill-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu Finanzjarju fi Brussell.

L-iffirmar tal-ftehimiet sar mid-Direttur Ġenerali fid-Diviżjoni tal-Fondi u Programmi tal-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, l-Inġ. Anthony Camilleri u mid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għall-Affarijiet Ewropej u l-Politika Kummerċjali tan-Norveġja Frode Overland Andersen.

Għall-iffirmar kien hemm preżenti s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, is-Sur Jonathan Vassallo, diversi uffiċjali mill-Ministeru għall-Fondi Ewropej flimkien ma' oħrajn minn Ministeri u entitajiet li bbenifikaw jew ser jibbenifikaw mill-Mekkaniżmi Finanzjarji kif ukoll rappreżentanti barranin li ġew Malta għal din l-okkażjoni.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on December 08, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on December 09, 2025 at 11:29 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]