Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

10/24/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/25/2025 08:58

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Konferenza CTRL+ESC 2025: Malta bħala ċentru diġitali għall-innovazzjoni u t-teknoloġija

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti indirizza l-konferenza CTRL+ESC 2025, avveniment ewlieni fid-dinja diġitali li laqqa' flimkien mexxejja tal-industrija, riċerkaturi, intraprendituri u professjonisti tat-teknoloġija.

Din il-konferenza, li ġiet deskritta bħala waħda mill-aktar pjattaformi prestiġjużi għall-ekosistema tat-teknoloġija f'Malta, saret spazju essenzjali għal komunità diġitali li dejjem tikber u lesta biex tikkollabora, taqsam l-ideat u toħloq sinerġiji ġodda bejn talent lokali u l-innovazzjoni globali.

Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti faħħar ix-xogħol li sar biex dan l-ispazju joffri pjattaforma għal professjonisti sabiex jitkellmu u jaqsmu il-ħsibijiet tagħhom. Dan ukoll huwa xhieda ta' kif Malta qed tpoġġi lilha nfisha fil-qalba tal-innovazzjoni diġitali Ewropea.

"Il-konferenza CTRL+ESC mhijiex biss laqgħa ta' professjonisti iżda hija dikjarazzjoni ta' intenzjoni li Malta hi lesta tmexxi, tinnova u tkompli tkun fuq quddiem nett fil-qasam diġitali. Permezz ta' inizjattivi bħal dawn, qed inwasslu lil pajjiżna biex ikun pajjiż konness, sigur u kompetittiv," qal is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.

Is-Segretarju Parlamentari spjega kif il-viżjoni nazzjonali, Malta Vision 2050, tpoġġi d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni fil-qalba tal-politika soċjali u ekonomika tal-pajjiż, permezz ta' industriji sostenibbli, governanza intelliġenti, u sistemi edukattivi moderni.

Il-konferenza CTRL+ESC tkompli tikkonferma dan l-impenn, billi tgħaqqad mexxejja internazzjonali minn kumpaniji ewlenin bħal Microsoft, Amazon, Google u NVIDIA ma' komunità lokali li qed tħaddan il-bidla u l-innovazzjoni.

Din l-inizjattiva tikkontribwixxi għal Malta aktar konnessa u lesta għall-futur, fejn it-teknoloġija sservi bħala forza li tgħaqqad in-nies, tibni fiduċja u tħeġġeġ il-kuraġġ biex ninnovaw bla biża', pass ieħor lejn ekonomija b'saħħitha u futur għal uliedna.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on October 24, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on October 25, 2025 at 14:58 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]