Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/21/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/22/2026 05:38

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta bl-inqas rata fit-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ

Livell rekord ta' 8.6% li jpoġġi lil pajjiżna taħt il-medja Ewropea

Malta kompliet turi impenn qawwi biex tindirizza t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ (ELET), u issa laħqet l-inqas rata u għalhekk rata rekord ta' 8.6% fl-2026. Din ir-rata hija wkoll taħt il-mira Ewropea li sal-2030, ir-rata tkun ta' 9%. Dan joħroġ minn stħarriġ ippubblikat mill-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, li juri titjib sinifikanti fir-rata ta' pajjiżna tal-ELET. Dan ir-riżultat ipoġġi lil Malta taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea ta' 9.1% għall-ewwel darba, u jimmarka punt ta' bidla storiku fil-mixja edukattiva tal-pajjiż.

"Dan il-pass ifisser li Malta rnexxielha tilħaq il-mira nazzjonali tal-UE għall-2030 kważi ħames snin qabel iż-żmien, riflessjoni ta' impenn sostnut, direzzjoni strateġika ċara u azzjoni koordinata fis-settur edukattiv. Dan huwa frott l-investiment li qed nagħmlu dirett fl-edukaturi u l-istudenti tagħna permezz ta' strateġiji ta' prevenzjoni proattiva, li jirrifletti l-impenn kollettiv tagħna lejn it-titjib tar-riżultati edukattivi għal kulħadd, kif enfasizzat b'mod qawwi fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-Ministru Grima qal li dan ir-riżultat huwa wkoll dovut għaliex b'mod parallel, ingħatat aktar attenzjoni lil prattiki ta' valutazzjoni mmirati u bbażati fl-iskola, u l-bidla fl-School Based Assessments, li jippermettu lill-edukaturi jidentifikaw u jappoġġjaw aħjar lill-istudenti li qabel kellhom diffikultajiet u b'hekk illum qed jiksbu riżultati aħjar. Dan kien ta' inkoraġġiment lil aktar studenti biex ikomplu l-edukazzjoni wara s-snin obbligatorji. Dan speċjalment fil-bidla li saret fl-AVC - l-Applied Vocational Certificate, li permezz tiegħu qed naraw aktar studenti jkomplu l-istudji tagħhom.

"It-tragward milħuq jirrifletti l-isforzi kollettivi tal-amministrazzjoni tal-iskejjel tagħna, tal-edukaturi, tal-istudenti nfushom, tal-familji, u l-komunità, u għalhekk nirringrazzja lil dawn kollha li kienu involuti biex ksibna dan ir-riżultat ferm pożittiv, filwaqt li se nkomplu bl-impenn tagħna għal aktar riżultati fit-trasformazzjoni ta' settur tant importanti għal pajjiżna," qal il-Ministru Grima.

Din il-kisba tqiegħed lil Malta mal-pajjiżi li kisbu dan it-tragward qabel is-sena stipulata mill-UE. Issa s-sitwazzjoni f'pajjiżna hija aħjar minn dik ta' pajjiżi oħra fosthom il-Ġermanja, Spanja, Danimarka, Estonja, l-Awstrija u l-Finlandja.

Il-mod effettiv tal-approċċ ta' Malta, kif indikat fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni huwa wkoll ċar fi programmi bħal Family Community School Link (FCSL), li għandu rwol vitali fl-iżvilupp ta' ekosistema ta' appoġġ madwar l-istudenti, billi jirrikonoxxi l-influwenza kruċjali tal-familja u l-komunità fuq l-involviment edukattiv.

It-tnaqqis f'din ir-rata għandha implikazzjonijiet b'saħħithom kemm għall-istudenti individwali kif ukoll għas-soċjetà Maltija kollha kemm hi, għaliex tirrappreżenta żieda fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol u jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà. L-impenn kontinwu tal-Ministeru għall-Edukazzjoni f'dan is-settur huwa msaħħaħ aktar bit-tnedija tal-istrateġija ELET fl-2024, li hija parti integrali mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030.

"Il-Ministeru qed jaħdem b'dedikazzjoni u impenn biex ikompli jibni sistema edukattiva inklużiva u ġusta biex kull student jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu", qal il-Ministru Grima. "Fil-perkors tal-ħidma tagħna qed inħarsu lejn għan wieħed, li s-settur edukattiv ikun bażi soda għall-ġid tal-istudenti tagħna u qed naraw li s-sistema tal-edukazzjoni Maltija timxi lejn approċċ aktar iffukat fuq il-persuna u l-kisba olistika," spjega l-Ministru Grima.

Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi li b'mod kostanti naqqsu r-rata f'dawn l-aħħar snin. Mill-2017 'l hawn, Malta rreġistrat l-akbar rata ta' tnaqqis fl-ELET mill-pajjiżi kollha tal-UE. Fl-2015, Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li ppubblikat strateġija speċifika dwar it-Tluq Bikri mill-Iskejjel (ESL), għal studenti li ma kisbux kwalifiki ta' livell sekondarju superjuri. L-ESL beda jissejjaħ "Tluq Bikri mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ" (ELET) biex jinkludi mhux biss il-perkorsi akkademiċi imma wkoll dawk vokazzjonali.​

Ir-riżultat tal-lum juri t-tnaqqis kostanti f'din ir-rata, minn Diċembru 2005, meta r-rata kienet laħqet rekord ta' 33%, fl-2012 meta r-rata kienet ta' 18.1%, u llum ir-rata naqset għal 8.6%.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 21, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 22, 2026 at 11:38 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]