Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/10/2025 | Press release | Distributed by Public on 04/11/2025 08:53

STQARRIJA MIS SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD DJALOGU SOĊJALI Ċertifikat b’saħħtu għal pajjiżna mir rapport tal Bord Nazzjonali tal Produttività 2024

F'Business Breakfast organizzat mill-Bord Nazzjonali tal-Produttività mmexxi miċ-Chairperson tal-Bord u tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, u bis-sehem tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ġie uffiċjalment ippublikat ir-Rapport Nazzjonali tal-Produttività 2024.

Dan ir-rapport, filwaqt li jagħti ċertifikat b'saħħtu lill-ħidma tal-Gvern billi juri li pajjiżna jinsab fid-direzzjoni t-tajba f'diversi setturi, jiffoka fuq it-transizzjoni doppja lejn id-diġitalizzazzjoni u prattiki kummerċjali sostenibbli, bil-għan li jissaħħu l-produttività u l-kompetittività f'Malta.

Ir-rapport jippreżenta rakkomandazzjonijiet fosthom li l-Gvern jibqa' jinvesti f'infrastruttura moderna, fit-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema u li jkompli bis-sostenn lin-negozji żgħar u medji, miżuri li kollha jirriflettu l-politika tal-Unjoni Ewropea u l-prijoritajiet tagħha.

Ir-rapport jitfa' wkoll dawl fuq kif il-produttività m'għandhiex tibqa' titqies biss bħala produzzjoni ekonomika, iżda bħala mezz biex titjieb il-kwalità tal-ħajja, tixpruna l-innovazzjoni u tiżgura futur aktar reżiljenti u inklussiv għal pajjiżna.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul fisser dan ir-rapport bħala ċertifikat ieħor b'saħħtu għal ħidmet il-Gvern. Qal li huwa turija ċara ta' kemm il-Gvern qed jadotta politika fejn ħadd ma jitħalla jaqa' lura. "B'hekk il-Gvern ikun jista' jkompli jkun ta' sostenn kemm għal min iħaddem, in-negozji jibqgħu jinvestu fl-operat tagħhom u aħna nkunu f'pożizzjoni aħjar biex nibqgħu noffru l-aħjar kundizzjonijiet għall-ħaddiema filwaqt li noffru l-aħjar impjiegi," saħaq is-Segretarju Parlamentari.

"Dan ir-rapport jimxi id f'id mal-Malta Vision 2050 illi l-konsultazzjoni pubblika tagħha tnediet aktar kmieni din il-ġimgħa u li tiffoka fuq pilastri ekonomiċi li ser iwasslu lil pajjiżna għall-kwalità ta' ħajja aħjar kemm għall-familji kif ukoll għall-ħaddiema," temm jgħid Dr Ellul.

Iċ-Chairperson tal-Bord, il-Perit David Xuereb, saħaq li "Dan ir-rapport li għadu kemm ġie ppubblikat, li jiffoka fuq il-bżonn tat-tranżizzjoni diġitali u ħadra, jiġbor fih l-ambizzjonijiet tal-futur, ambizzjonijiet li jiffurmaw parti mill-Malta Vision 2050."

Waqt din il-konferenza, ġie osservat mument ta' silenzju b'rispett lejn l-Eks Chairperson tal-MCESD, Saviour Portelli, li miet riċentement, bħala rikonoxximent tal-kontribut tiegħu għad-djalogu soċjali u għall-iżvilupp tal-MCESD matul is-snin ta' servizz tiegħu.

Għal din il-konferenza attendew numru ta' mistiedna distinti, fosthom Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra, imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD, diversi Segretarji Permanenti, akkademiċi, kif ukoll kapijiet eżekuttivi ta' kumpaniji ewlenin, aġenziji pubbliċi u kumpaniji mis-settur privat. Ipparteċipa wkoll Dr Filippo Di Mauro, il-fundatur ta' CompNet, kumpanija li tiffoka fuq network ta' riċerka dwar il-produttività u l-kompetittività, li saħaq fuq l-importanza ta' qafas analitiku bbażat fuq id-data. Fost il-kelliema li taw kontribut attiv għad-diskussjoni, kienu Kenneth Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, il-Prof. Simone Borg, l-Ambaxxatur ta' Malta għall-Azzjoni fuq il-Klima, Roberta Dalli Albanese, il-Kap tas-Segretarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u, Donna Cardona, intraprenditriċi u fundatur ta' My Mama.

​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 10, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 11, 2025 at 14:53 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]