Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

05/11/2026 | Press release | Distributed by Public on 05/12/2026 10:44

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU U MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL

Miżuri ġodda ta' infurzar biex jappoġġjaw il-komunitajiet residenzjali f'żoni turistiċi

Vetturi elettriċi ġodda għall-Pulizija tal-komunità, sistemi ta' sorveljanza u sistemi għal kontra l-istorbju

Il-Gvern qed iniedi sistemi ta' kameras ta' sorveljanza aktar avvanzati fis-Swieqi, noise monitors għal kontra l-istorbju fil-Belt Valletta, aktar riżorsi għall-Pulizija tal-komunità, multi li jingħataw lil persuni barranin li m'għandhomx residenza f'Malta li jitħallsu dak il-ħin, kif ukoll regolamenti aktar stretti dwar l-akkomodazzjonijiet turistiċi, sabiex jissaħħaħ l-infurzar u jingħata aktar appoġġ lill-komunitajiet residenzjali f'żoni turistiċi.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, ħabbru dawn il-miżuri waqt żjara fis-Swieqi nhar it-Tlieta. Dawn l-inizjattivi jagħmlu parti minn proġett pilota ta' appoġġ lill-komunitajiet fit-turiżmu, imniedi fl-2025 mill-Ministeru għat-Turiżmu, bil-għan li l-iżvilupp turistiku jimxi id f'id mal-benesseri tar-residenti, filwaqt li jindirizza t-tħassib tal-kunsilli lokali dwar l-ordni pubbliku, ir-regolamenti dwar il-kirjiet turistiċi għal żmien qasir, u aspetti oħra relatati.

Wara diskussjonijiet mal-kunsilli lokali u ma' dawk kollha involuti fl-industrija turistika bħala parti minn dan il-proġett pilota u inizjattivi oħra, diversi miżuri se jidħlu fis-seħħ qabel is-sajf 2026:

Sistema ta' sorveljanza fi Swieqi mmonitorjata mil-LESA: L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) iffinanzjat l-installazzjoni mill-ġdid u l-immodernizzzar tan-network ta' kameras ta' sorveljanza fis-Swieqi, b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali, b'kameras ġodda f'postijiet strateġiċi madwar il-lokalità. Dan in-network ta' 30 kamera, li wħud minnhom issa huma mgħammra b'teknoloġija pan-tilt-zoom (PTZ), se jkunu mmonitorjati 24 siegħa kuljum minn uffiċjali tal-LESA fiċ-Ċentru ta' Kontroll tagħha, bħala parti minn sistema usa' ta' monitoraġġ li testendi sa Paceville u San Ġiljan. Din il-kollaborazzjoni se ttejjeb l-effiċjenza tal-infurzar f'din iż-żona, għall-benefiċċju kemm tar-residenti kif ukoll tal-viżitaturi.

Sistemi ta' monitoraġġ tal-ħoss fil-Valletta b'allerti awtomatiċi: B'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, l-MTA qed tiffinanzja l-installazzjoni ta' sistema ta' monitoraġġ tal-livelli tal-ħoss f'erba' mit-toroq l-aktar popolari fil-Belt, sabiex tgħin lill-Pulizija fl-azzjoni tagħhom kontra livelli eċċessivi ta' storbju, speċjalment billejl. Is-sistemi se jidentifikaw meta jkun hemm storbju eċċessiv u awtomatikament jibagħtu avviż immedjat lill-Pulizija. L-ewwel tagħmir ta' dan it-tip se jitwaħħal fil-ġimgħat li ġejjin fi Triq ir-Repubblika, Triq Merkanti, Strada Stretta u Triq San Pawl, bil-ħsieb li s-sistema eventwalment tiġi estiża għal toroq oħra wkoll. Biex tkun żgurata l-privatezza, dawn is-sistemi mhux se jirrekordjaw vuċijiet jew ħsejjes oħra, iżda se jkejlu biss il-livelli tal-ħoss.

Flotta ġdida għall-Pulizija tal-Komunità: Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu qed jipprovdi vetturi elettriċi ġodda għat-tisħiħ tal-ħidma tal-Pulizija tal-Komunità, speċjalment f'lokalitajiet b'ħafna attività turistika. Dawn il-vetturi ġew iffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet ambjentali mħallsa mit-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin, li huma amministrati b'mod konġunt mill-Ministeru għat-Turiżmu, l-MTA u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA).

Multi fuq il-post għat-turisti: Mill-1 ta' Ġunju, uffiċjali tal-Pulizija, tal-LESA u tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) se jkunu jistgħu joħorġu multi fuq il-post lil persuni barranin li ma joqogħdux f'Malta, inklużi t-turisti, jekk jiksru l-liġi waqt li jkunu fil-pajjiż. Dawn il-multi se jippermettu ħlas elettroniku immedjat mill-persuni konċernati. Dawn il-miżuri, introdotti permezz ta' regolamenti ġodda, għandhom l-għan li jindirizzaw il-problema ta' persuni li jonqsu milli jħallsu l-multi tagħhom. Dan mhux biss se jsaħħaħ id-deterrent u jtejjeb l-infurzar, iżda se jintroduċi wkoll konsegwenzi għal dawk li jonqsu milli jħallsu dak dovut minnhom.

Regolamenti ġodda għall-akkomodazzjoni għal żmien qasir: Ir-Regolamenti ġodda dwar l-Akkomodazzjoni Turistika mħabbra x-xahar li għadda se jidħlu fis-seħħ dan is-sajf, b'kundizzjonijiet aktar stretti għall-propjetajiet li jinkrew għal żmien qasir. Is-sidien ta' dawn il-proprjetajiet se jkunu obbligati jkollhom tabella barra l-entratura tal-proprjetà, li tinkludi n-numru tal-liċenzja u n-numru ta' kuntatt ta' persuna li tkun disponibbli 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, biex tirċievi lmenti u tindirizza kwistjonijiet relatati. Propjetajiet li jiffurmaw parti minn kondominju se jkunu obbligati jipprovdu din l-informazzjoni wkoll lill-amministraturi tal-blokka residenzjali. Barra minn hekk, dawn l-akkomodazzjonijiet iridu jimplimentaw pjan adegwat għall-ġestjoni tal-ġbir tal-iskart. Sidien li jinqabdu joperaw mingħajr liċenzja valida tal-MTA jkunu suġġetti għal skwalifika ta' tliet snin, minbarra pieni oħra.

Minbarra dawn l-inizjattivi, bħala parti mill-proġett pilota ta' appoġġ lill-komunitajiet fit-turiżmu, il-Ministeru għat-Turiżmu qed jaħdem ma' ministeri oħra biex ikompli jassisti lill-kunsilli lokali ta' Swieqi u tal-Belt Valletta. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' din il-kollaborazzjoni, il-proġett jista' mbagħad jiġi estiż għal lokalitajiet oħra.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg irringrazzja lill-MTA, lill-Pulizija, lil-LESA, lill-kunsilli lokali u lil entitajiet oħra għall-ħidma konġunta tagħhom lejn attivitajiet turistiċi b'inqas impatt u b'aktar serħan il-moħħ għall-komunitajiet madwarhom.

"Filwaqt li nkomplu niggwidaw lil dawk kollha konċernati fl-industrija turistiku lejn attivitajiet aktar sostenibbli u ta' valur ogħla, irridu niżguraw ukoll li l-komunitajiet tagħna jgawdu mill-benefiċċji ta' din l-industrija importanti, filwaqt li jikkontribwixxu għal kwalità ta' ħajja aħjar fil-lokalitajiet tagħhom. Il-miżuri mħabbra llum huma pass ieħor f'din id-direzzjoni. Iż-żieda fil-kontribuzzjoni ambjentali fil-Budget 2026, li se tidħol fis-seħħ minn Lulju, se tkompli tiftaħ opportunitajiet għal aktar investiment turistiku fil-komunitajiet tagħna, filwaqt li ninvestu f'esperjenzi aktar awtentiċi u ta' valur akbar għall-viżitaturi tagħna," qal Dr Borg.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li "illum, il-Korp tal-Pulizija ta' Malta, il-LESA u l-bqija tal-korpi dixxiplinati jinsabu f'pożizzjoni li jkunu proattivi, mhux biss biex jindirizzaw il-kriminalità, iżda wkoll fil-prevenzjoni. Dawn il-proġetti, emendi legali u inizjattivi kollha għandhom l-għan li jkomplu jiżguraw Malta aktar sigura, pajjiż li llum mhux biss għandu l-inqas rata ta' kriminalità, iżda huwa wkoll l-aktar sigur fil-Mediterran u wieħed mill-aktar siguri fid-dinja. L-għan tagħna huwa li nkomplu nwettqu din il-politika b'mod effettiv, filwaqt li nipprovdu lill-uffiċjali tagħna bl-aqwa għodod, tagħmir u riżorsi biex ikunu jistgħu jkomplu jaqdu dmirijiethom bl-aħjar mod."


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on May 11, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on May 12, 2026 at 16:44 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]