09/04/2025 | Press release | Distributed by Public on 09/05/2025 04:40
Il-Ministru Miriam Dalli tenfasizza li l-imsieħba soċjali se jkunu involuti f'kull stadju tat-tfassil ta' dan il-pjan
Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) iddiskuta t-tfassil tal-Pjan Nazzjonali ta' Adattament għat-Tibdil fil-Klima. Dan ftit tal-jiem wara li kienet ippubblikata Preliminary Market Consultation (PMC) bil-għan li jkunu ingaġġati esperti fl-iżvilupp tal-Pjan Nazzjonali għat-Tibdil fil-Klima li qed tiżviluppa l-Climate Action Authority.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli enfasizzat li huwa sinifikattiv li l-MCESD qed jibda jiddiskuti dan il-pjan sa mill-istadju bikri tat-tfassil tiegħu. "Din hija sfida globali, li Malta bħala gżira żgħira trid tadatta għaliha u ma tistax tagħmel dan mingħajr l-involviment tas-soċjetà kollha kemm hi. Kien għalhekk li b'mod konxju mill-ewwel ġejna quddiem l-MCESD biex dan il-Kunsill ikun parti mit-tfassil ta' dan il-pjan. Quddiem sfida bħal din li tirrikjedi anke bidliet fil-mod kif naħsbu u nagħmlu l-affarijiet, irridu nkunu tim niġbdu ħabel wieħed," qalet il-Ministru Dalli.
Fil-preżenza taċ-Chairman tal-MCESD il-Perit David Xuereb, saru wkoll preżentazzjonijiet tekniċi mill-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority Inġ. Abigail Cutajar, u mill-konsulenti Grant Thorton permezz ta' Dr George Vella.
Min-naħa tagħha l-Ministru Dalli spjegat iktar dwar l-importanza ta' dan il-pjan u l-istrateġija tal-Gvern Malti f'dan ir-rigward. "Tajna mandat lil Climate Action Authority biex tiżviluppa pjan nazzjonali li jsaħħaħ ir-reżiljenza tagħna. Irridu nimminimizzaw r-riskji u niżguraw reżiljenza qabel ma l-effetti jsiru aktar severi u jiswew aktar flus biex jiġu rimedjati," qalet il-Ministru Dalli li saħqet dwar kif irridu nibnu pajjiż reżiljenti billi nippjanaw strateġikament bil-quddiem biex niżguraw kwalità ta' għajxien tajba għall-poplu kollu. "Dan li qed infasslu llum huwa pass ieħor importanti, ta' pajjiż serju u matur li mhux jistenna l-għawġ jasal, imma li kapaċi jħares fit-tul u jippjana bil-quddiem," qalet il-Ministru Miriam Dalli li tkellmet kif jeżistu wkoll diversi opportunitajiet biex nagħmlu l-affarijiet aħjar u b'livelli aqwa, liema opportunitajiet pajjiżna jrid ikun kapaċi jaħtaf.
Matul id-diskussjoni, l-imsieħba soċjali enfasizzaw il-bżonn ta' strateġiji prattiċi u li jistgħu jiġu implimentati, filwaqt li ddiskutew aspetti relatati mal-kompetittività, l-ispejjeż tal-konformità, u l-aċċess għad-dejta. Temi oħra importanti kienu l-edukazzjoni, l-infurzar, l-innovazzjoni, il-koordinazzjoni interministerjali, u l-involviment tas-settur privat.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, David Xuereb, enfasizza li l-vulnerabbiltà ta' Malta għat-tibdil fil-klima teħtieġ pjan li jindirizza mhux biss sfidi ambjentali, iżda wkoll il-bidliet neċessarji fil-ħiliet, l-impatt fuq in-negozji, u l-opportunitajiet ta' investiment f'oqsma emerġenti. Huwa rringrazzja lill-parteċipanti kollha għall-kontribut siewi tagħhom u afferma mill-ġdid ir-rwol tal-Kunsill fit-tiswir ta' strateġija klimatika reżiljenti u inklużiva.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority (CAA), Abigail Cutajar, tkellmet dwar kif bħala l-ewwel awtorità tax-xorta tagħha fl-Unjoni Ewropea, is-CAA tinsab f'pożizzjoni b'saħħitha biex tfassal u tikkordina l-ħidma dwar it-Tibdil fil-Klima. "Dejjem sħaqt li t-twaqqif tal-awtorità kellu jkun biss l-ewwel pass, segwit minn ħafna inizjattivi. Il-pjan ta' adattament li qed niddiskutu llum huwa wieħed minnhom, tant li minnufih tellaqna x-xogħol fuqu. Għandna ħsieb ċar tal-metodu li rridu nadottaw u fl-aħħar ġimgħat għamilna l-ewwel pass bil-ħruġ ta' espressjoni ta' interess għall-esperti biex jagħtu s-sehem tagħhom f'dan il-pjan. Meta nitkellmu dwar il-pjan ta' adattament qed nitkellmu dwar kif ngħixu ta' kuljum. Mhux xi kwistjoni li tieqaf fuq il-karta tar-rapporti tekniċi, iżda hija fil-fatt ħidma dwar fejn u kif ngħixu u huwa għalhekk pjan bħal dan ma jistax ikun suċċess mingħajr l-involviment tal-imsieħba soċjali," qalet Cutajar, li fissret kif jeżistu wkoll diversi opportunitajiet konformi mal-Viżjoni Malta 2050 li pajjiżna qed ifassal.
L-imsieħba soċjali wrew impenn ċar li jkomplu jikkontribwixxu b'mod attiv u kostruttiv, sabiex il-Pjan ta' Adattament ikun sostenibbli u rilevanti għall-isfidi u l-potenzjal ta' pajjiżna.