Results

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

05/21/2026 | Press release | Distributed by Public on 05/22/2026 10:46

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Jitlesta x-xogħol ta’ restawr fuq it-Torri Vendome f’Marsaxlokk


Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-proġett ta' restawr fuq it-Torri Vendome, magħruf ukoll bħala t-Torri ta' Qrajten jew Craite, f'Marsaxlokk fl-okkażjoni tat-tlestija tiegħu.

Dan it-torri storiku huwa wieħed minn erba' torrijiet mibnija fl-1715/16 mill-Prijur ta' Franza, Philippe de Vendome, li kien insista fuq il-ħtieġa ta' aktar difiża madwar il-kosta tal-gżejjer Maltin.

"Dan il-proġett jirrifletti l-viżjoni tagħna li nżommu ħaj il-passat u nagħmlu l-wirt tagħna aċċessibbli u apprezzat minn kulħadd. Huwa importanti li nkomplu nagħtu valur lil-lokalitajiet tagħna. Torrijiet bħal dawn ma jirrappreżentawx biss ġebel u arkitettura, imma huma xhieda ħajja tal-istorja u l-kisbiet ta' ġenerazzjonijiet sħaħ ta' Maltin u Għawdxin," stqarr il-Ministru Bonnici.

"Il-fatt li qed nirrestawrawhom u nagħtuhom ħajja ġdida jfisser li qed inwasslu messaġġ ta' rispett u mħabba lejn il-wirt tagħna, filwaqt li noħolqu spazji ġodda fejn il-familji u l-viżitaturi jistgħu jgawdu u jitgħallmu aktar dwar min aħna u minn fejn ġejna. Dan huwa investiment fil-kultura tagħna, fl-edukazzjoni u fil-futur tagħna bħala poplu," temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Is-Sindku ta' Marsaxlokk Steven Grech qal li t-tlestija tar-restawr tat-Torri Vendome hija ġurnata importanti mhux biss għal Marsaxlokk, iżda għall-wirt storiku tal-pajjiż kollu. Huwa sostna li dan it-torri huwa parti mill-identità marittima u storika tal-lokalità, u għalhekk kien essenzjali li jiġi ppreservat bl-aħjar mod possibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Matul il-gwerra, waħda mill-kantunieri tħares lejn l-art ġiet imġarrfa, iżda ġiet irrestawrata mill-ewwel permezz ta' fondi għall-ħsarat tal-gwerra. It-torri għandu pjanta kwadra, ħitan esterni inklinati u diversi "musketry loopholes", aperturi minn fejn is-suldati kienu jisparaw fuq l-għadu. Fuq il-bieb prinċipali x'aktarx kien hemm gallarija tal-misħun, li maż-żmien inbidlet.

Internament, it-torri jikkonsisti fi spazji msaqqfa bi troll u taraġ li jwassal fuq il-bejt, minn fejn is-suldati kienu jżommu l-għassa u jiġġieldu minn wara l-apramorta. Il-foss li kien jikkonċerna l-perimetru tat-torri kien intradam maż-żmien, u d-drawbridge oriġinali wkoll intilef.

Ġie spjegat kif ix-xogħlijiet ta' restawr kienu jinkludu tindif tal-faċċati kollha, kif ukoll tneħħija ta' msiemer u interventi żejda, tikħil ta' fili b'taħlita bbażata fuq il-ġir, tibdil ta' ġebel deterjorat, tiswijiet żgħar tad-deffun fuq il-bejt, restawr tad-deffun tas-superior slope u rikostruzzjoni ta' partijiet neqsin jew deterjorati. Dan l-intervent huwa parti minn proċess sabiex it-torri u l-ispazji ta' madwaru jistgħu jigawdew mill-pubbliku.

Ix-xogħlijiet kollha saru taħt is-superviżjoni professjonali u tinkludi b'dokumentazzjoni sħiħa. Dan il-proġett jifforma parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern lejn il-ħarsien tal-wirt kulturali ta' Malta.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on May 21, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on May 22, 2026 at 16:47 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]