05/26/2026 | Press release | Distributed by Public on 05/27/2026 08:01
Kompla l-investiment fil-Korp tal-Pulizija biex ikompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-komunità u mhux biss ikun tal-aqwa servizz imma joffri wkoll ambjent aħjar lill-uffiċjali tal-Pulizija, hekk kif waslu fi tmiemhom ix-xogħlijiet estensivi ta' rinnovar ġewwa l-Għassa tal-Ħamrun.
L-Għassa tal-Ħamrun se terġa' tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku minn għada, wara proġett estensiv ta' rinnovar li beda fl-2024 u li permezz tiegħu l-binja ġiet immodernizzata sabiex toffri servizz aħjar lir-residenti tal-Ħamrun u tal-madwar, filwaqt li tipprovdi wkoll ambjent tax-xogħol aktar modern u adegwat għall-membri tal-Korp tal-Pulizija.
Ix-xogħlijiet, b'investiment ta' madwar €660,000, inkludew fost oħrajn it-twaqqigħ u r-rinnovar tas-soqfa, il-ftuħ ta' ħitan diviżorji, bibien u twieqi ġodda, kif ukoll sistemi kompletament ġodda ta' drenaġġ, ilma u elettriku. Ġew installati wkoll sistemi ta' ventilazzjoni u arja kkundizzjonata, flimkien ma' madum, suffetti, aperturi, għamara ġdida u wkoll xogħol fuq il-faċċata tal-Għassa.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri tenna li qatt daqs illum il-Korp tal-Pulizija ma kellu preżenza daqstant b'saħħitha fil-komunità u sostna li dan il-Gvern qed ikompli jsaħħaħha permezz ta' investimenti kontinwi fl-infrastruttura, it-tagħmir u r-riżorsa umana tal-Korp.
Il-Ministru Camilleri qal li dan il-proġett ikompli jsaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija fil-lokalità tal-Ħamrun sabiex jingħata servizz aħjar lir-residenti u lill-komunità, filwaqt li jkompli joffri lill-uffiċjali ambjent aktar professjonali u modern fuq il-post tax-xogħol.
Huwa żied li dawn l-investimenti huma parti minn ħidma usa' li qed twassal sabiex il-Korp tal-Pulizija jkun mgħammar bl-aqwa riżorsi possibbli biex ikompli joffri servizz ta' kwalità u jsaħħaħ is-sigurtà fil-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li x-xogħlijiet ta' rinnovar li saru ġewwa l-Għassa tal-Ħamrun huma intiżi biex jipprovdu spazju tax-xogħol aktar modern u komdu għall-uffiċjali, filwaqt li jkomplu jtejbu s-servizz mogħti lill-komunità.
Il-Kummissarju Gafà sostna wkoll li l-Korp qed ikompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu lejn mudell aktar preventiv, fejn permezz ta' preżenza aktar b'saħħitha fil-komunità u intelligence-led policing, il-fokus jibqa' l-prevenzjoni tar-reati u aktar sigurtà għall-familji Maltin u Għawdxin.
Ir-rinnovar tal-Għassa tal-Ħamrun jingħaqad ma' sensiela ta' investimenti oħra li twettqu fl-aħħar snin, fosthom rinovazzjonijiet estensivi fl-Għases tal-Gżira u r-Rabat, il-ftuħ tal-Għassa l-ġdida state-of-the-art f'Wied il-Għajn, kif ukoll xogħlijiet estensivi li wasslu għall-ftuħ tal-ewwel Gender and Domestic Violence Unit f'Santa Luċija u l-konverżjoni tal-Għassa tal-Imtarfa fit-tieni Domestic Violence Hub fil-pajjiż.
Dan l-investiment fl-infrastruttura jingħaqad ukoll ma' investiment kontinwu fir-riżorsa umana tal-Korp tal-Pulizija, fosthom permezz ta' titjib fil-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-uffiċjali, uniformijiet ġodda u aktar moderni, investiment kontinwu fil-flotta tal-vetturi u t-tagħmir operattiv, l-introduzzjoni tal-body-worn cameras u titjib kontinwu fl-ambjent tax-xogħol sabiex il-Korp jibqa' mgħammar bl-aqwa riżorsi għas-servizz tal-komunità.