Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

02/15/2026 | Press release | Distributed by Public on 02/16/2026 11:04

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Xelter tal-gwerra mogħti b’titolu ta’ kera lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq

Xelter storiku li preżentement huwa taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġie trasferit b'titolu ta' kera għal perjodu ta' ħames snin lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Il-proprjetà tinsab f'Nru 1 fi Triq il-Kbira, iż-Żurrieq u tokkupa area ta' madwar 57m².

Permezz ta' dan it-trasferiment, il-Kunsill Lokali se jkun jista' jmantni u jikkonserva x-xelter bħala sit ta' importanza storika u kulturali, bil-għan li jiġi trasformat f'attrazzjoni edukattiva u komunitarja li tfakkar il-memorja kollettiva tal-pajjiż u s-sagrifiċċji ta' dawk li għexu l-gwerra.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-proġett huwa pass sinifikanti biex inħarsu dak li jagħmel lil pajjiżna uniku. "Dan il-proġett juri kif permezz ta' kollaborazzjoni bejn l-entitajiet governattivi u l-kunsilli lokali, nistgħu nagħmlu minn siti storiċi postijiet ta' tagħrif u opportunità għall-futur."

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, spjega li dan it-trasferiment jagħmel parti mill-impenn tal-Awtorità biex proprjetajiet pubbliċi ta' valur storiku jitħaddmu b'mod sostenibbli u għall-ġid tal-komunità. Huwa sostna li permezz ta' din il-kera, is-sit se jiġi mħares, miżmum u valorizzat filwaqt li jibqa' aċċessibbli għall-pubbliku.

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq Rita Grima qalet, "Ix-Xelter li jinsab fi Triq il-Kbira ġie trasferit lill-Kunsill Lokali. Wara li jsir t-tindif neċessarju se jinfetaħ sabiex il-poplu taż-Żurrieq ikun jista' jgawdih u jsiru xi attivitajiet ġo fih."

It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, Rita Grima bħala s-Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u s-Segretarju Eżekuttiv Josianne Cilia Mumford.



Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on February 15, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on February 16, 2026 at 17:04 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]