Malta l-ewwel fid-dinja: Jitnieda l-kors onlajn 'AI Għal Kulħadd' b'għodod diġitali bħal Chatgpt Plus u Microsoft 365 Copilot
Il-Gvern nieda uffiċjalment 'AI Għal Kulħadd', kors nazzjonali onlajn ta' litteriżmu dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. L-iskop ta' dan il-kors huwa li jgħin lin-nies jifhmu l-Intelliġenza Artifiċjali u jużawha b'kunfidenza, b'mod sigur, u responsabbli. Permezz ta' dan, il-Gvern qed jagħmel it-tagħlim dwar l-Intelliġenza Artifiċjali aċċessibbli għaċ-ċittadini u r-residenti kollha f'Malta u Għawdex li għandhom 14-il sena u aktar. It-tnedija ta' dan il-programm timmarka pass ieħor importanti lejn it-twettiq ta' Viżjoni Malta 2050, bl-għan li l-pajjiż ikun mgħammar bl-għodod neċessarji kemm għal-lum kif ukoll għal għada.
Dan il-kors, żviluppat mill-MDIA flimkien mal-Università ta' Malta, se jkun ipprovdut b'xejn onlajn, u jista' jiġi segwit bil-pass tal-parteċipant stess minn kullimkien u fil-ħin li wieħed jixtieq. Huwa mfassal għal nies ta' kull età u minn kull sfond, mingħajr il-bżonn ta' għarfien tekniku jew esperjenza preċedenti. Il-kors jintroduċi l-kunċetti fundamentali ta' kif jaħdem l-AI b'mod sempliċi u jiffoka fuq l-użu prattiku tal-Intelliġenza Artifiċjali għaż-żieda fil-produttività, it-tagħlim u l-kreattività fil-ħajja ta' kuljum. Wara t-taħriġ bażiku, il-parteċipanti jistgħu jagħżlu li jkomplu kors aktar speċjalizzat mfassal għall-istil ta' ħajjithom jew il-karriera tagħhom, sabiex fi tmiem il-kors jingħataw ċertifikat uffiċjali.
Sabiex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jkollhom din l-għodda hekk komda f'idejhom, il-Gvern qed iniedi sħubija internazzjonali flimkien ma' OpenAI u Microsoft. Permezz ta' din il-kollaborazzjoni, il-persuni li jlestu l-kors li jdum madwar sagħtejn, se jingħataw abbonament b'xejn għal sena għal ChatGPT Plus jew Microsoft 365 Personal Copilot. B'hekk dawk li jlestu l-kors ikollhom l-opportunità li japplikaw dak li tgħallmu fil-ħajja ta' kuljum biex anke jtejbu l-kwalità tal-ħajja u x-xogħol tagħhom.
Fl-2019, Malta kienet minn tal-ewwel u ħadet passi sinifikanti biex tistabbilixxi qafas strateġiku u etiku għall- Intelliġenza Artifiċjali, bl-għan li Malta tkun xprun tal-innovazzjoni diġitali. L-istrateġija qed tiġi aġġornata biex tirrifletti l-aħħar żviluppi. Dan l-impenn tkompla fil-Budget fejn tħabbar l-investiment ta' €100 miljun għad-diġitalizzazzjoni u l-adozzjoni ta' teknoloġiji bħall-Intelliġenza Artifiċjali, l-Internet of Things, is-Cybersecurity, l-Augmented u l-Virtual Reality, il-Blockchain u r-Robotics f'pajjiżna. L-għan ta' dan huwa li naħdmu b'aktar effiċjenza u nkunu aktar kompetittivi.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg spjega li ftit wara li din l-inizzjattiva tħabbret f'Ottubru li għadda bħala parti mill-Budget 2026, hu kellu laqgħat f'Silicon Valley, fl-Istati Uniti, fejn id-diplomatiċi Maltin iffaċilitaw il-kuntatti bejn OpenAI u l-MDIA. Hawnhekk faħħar lill-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi u dawk kollha li ħadmu fuq din l-inizjattiva, talli f'qasir żmien ikkonkludew it-taħditiet sabiex din l-inizzjattiva tkun tista' titwettaq bla dewmien.
"B'din l-inizjattiva, qed inwasslu messaġġ ċar li f'pajjiżna, ma rridu lil ħadd jaqa' lura - irridu li kulħadd jibbenefika mill-potenzjal tat-teknoloġija għal ħajja aħjar. L-AI qed jibdel dak kollu li nagħmlu, u għalhekk mhux biss qed nagħtu din it-teknoloġija lil kulħadd, iżda qed ngħinu biex kulħadd ikollu l-opportunità jagħraf l-aqwa użu tagħha, b'mod responsabbli. Fl-aħħar mill-aħħar, quddiem dinja ta' inċertezzi, l-investiment fiċ-ċittadini Maltin u Għawdxin huwa l-aqwa difiża - ir-reżiljenza u l-prosperità ta' pajjiżna jibdew mis-saħħa u l-kapaċitajiet ta' kull wieħed u waħda minna," stqarr Dr Borg.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, enfasizza li dan il-kors jirrifletti l-ambizzjoni usa' ta' Malta li tibni soċjetà aktar kunfidenti fid-dinja diġitali, b'ħiliet b'saħħithom u lesta għall-futur. "Permezz ta' dan il-kors, qed naċċertaw li kull ċittadin, ikollu ċ-ċans jibni l-kunfidenza u l-ħiliet meħtieġa biex jirnexxi f'dinja diġitali. Billi ngħaqqdu dan it-tagħlim ma' aċċess b'xejn għal għodod diġitali avvanzati bħal chatgpt plus u Microsoft 365 personal copilot, qed nibdlu kunċett li forsi mhuwiex daqshekk familjari f'għajnuna prattika ta' kuljum għall-familji, għall-istudenti u għall-ħaddiema tagħna. Il-fatt li aħna minn tal-ewwel fid-dinja li qed nieħdu dan il-pass, ifisser li qed niżguraw li n-nies tagħna jibqgħu fuq quddiem nett biex jiksbu l-ewwel u l-aqwa opportunitajiet," stqarr il-Ministru Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta' Malta (MDIA), Kenneth Brincat, qal "'AI Għal Kulħadd' jimmarka l-bidu tal-mixja nazzjonali ta' Malta fil-litteriżmu dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. Din hija mixja li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tal-futur diġitali tagħna. Kulħadd jista' jaċċessa ai4all.gov.mt, jsegwi l-informazzjoni hemmhekk, u jibda l-kors onlajn permezz tal-eid tiegħu mil-mobile, tablet jew kompjuter. Il-kors huwa offrut kemm bil-Malti u anke bl-Ingliż. Wara li jtemmu l-kors onlajn, l-utenti se jirċievu email bl-aċċess għal għodda diġitali offruti f'din l-inizjattiva skont l-għażla tagħhom."
George Osborne, Kap ta' OpenAI for Countries qal, "Permezz ta' din is-sħubija, Malta qed tmexxi lill-Ewropa u lid-dinja biex iġġib l-AI għand iċ-ċittadini kollha tagħha. L-intelliġenza artifiċjali qed issir utilità nazzjonali u l-gvernijiet kollha għandhom rwol importanti sabiex jiżguraw li l-popolazzjonijiet tagħhom ikollhom kemm l-aċċess kif ukoll il-ħiliet meħtieġa biex jagħmlu l-aħjar użu mill-intelliġenza artifiċjali. Għaldaqstant, nifraħ lill-awtoritajiet Maltin għall-viżjoni u l-ambizzjoni tagħhom f'isem il-poplu Malti. Din hija eżattament it-tip ta' inizjattiva strateġika li se taċċellera l-adozzjoni tal-AI u twassal il-benefiċċji ta' din it-teknoloġija trasformattiva lejn l-ekonomija u l-ħajja ta' kuljum tan-nies. Fejn Malta tmexxi, nittama li oħrajn jimxu fuq l-eżempju tagħha."
Tilemachos Moraitis minn Microsoft qal li: "Illum Malta qed tibgħat messaġġ b'saħħtu dwar l-era tal-AI: l-aċċess u l-opportunità għandhom ikunu ta' kulħadd. Permezz ta' dan il-programm nazzjonali, iċ-ċittadini u r-residenti Maltin jistgħu jibnu l-għarfien tagħhom dwar l-AI permezz ta' moduli online bla ħlas, u mbagħad jirċievu abbonament premium tal-AI b'xejn għal sena - biex 'AI għal kulħadd' issir realtà konkreta, prattika u inklussiva. Aħna kburin li l-Gvern ta' Malta u l-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) stiednu lil Microsoft bħala sieħeb ta' fiduċja f'dan il-vjaġġ - billi jibnu fuq il-momentum ta' Malta, inkluż l-investiment tas-sena li għaddiet biex jiġi introdott Microsoft Copilot fis-servizz pubbliku kollu, appoġġjat minn taħriġ u Ċentru ta' Eċċellenza. Fl-ekonomija tal-AI, l-aktar infrastruttura importanti mhumiex biss iċ-ċentri tad-data - iżda l-kapaċità tal-bniedem. Illum, Malta qed tinvesti f'dik il-kapaċità fuq skala nazzjonali."