06/10/2025 | Press release | Distributed by Public on 06/11/2025 09:11
Dalgħodu, żewġ Ambaxxaturi ppreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta' Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
Dawn huma:
L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Taljana l-Eċċellenza Tagħha Valentina Setta,
u
L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Armenja l-Eċċellenza Tiegħu Vladimir Karapetyan.
Meta ppreżentat il-Kredenzjali lill-Eċċellenza Tagħha, l-Ambaxxatriċi tar-Repubblika tal-Italja tkellmet dwar ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn l-Italja u Malta. Hija saħqet fuq l-impenn tal-missjoni tagħha li ssaħħaħ din ir-rabta, partikolarment fl-oqsma tad-diplomazija, il-kultura, u l-edukazzjoni, ewlieni fosthom it-tagħlim tal-lingwa Taljana f'Malta.
L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono rrikonoxxiet l-apprezzament ta' Malta għall-kooperazzjoni tal-Italja f'oqsma diversi, mill-bidu tar-relazzjonijiet, u aċċennat b'mod partikolari għall-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija.
Il-President irriflettiet ukoll fuq il-laqgħa riċenti tagħha mal-President Sergio Mattarella, li matulha ż-żewġ naħat iddiskutew kwistjonijiet urġenti bħas-sigurtà Ewropea. Filwaqt li tenniet il-pożizzjoni newtrali ta' Malta, hija rrikonoxxiet ir-rwol attiv tal-pajjiż fis-salvagwardjar u promozzjoni tal-paċi u tad-drittijiet umanitarji - prinċipji li jimxu fuq l-istess binarji tal-objettivi tal-politika barranija tal-Italja.
L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Armenja esprima d-determinazzjoni tiegħu li jikkontribwixxi u jmexxi diskussjonijiet sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn l-Armenja u Malta. Huwa nnota kif żjarat reċiproċi mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, inkluża ż-żjara tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti fl-Armenja s-sena l-oħra, jikkontribwixxu għal dan it-tisħiħ.
L-E.T. Myriam Spiteri Debono tkellmet dwar l-isfidi fir-reġjun filwaqt li rrimarkat l-importanza li pajjiż bħall-Armenja għandu jaħdem b'mod attiv għall-paċi u l-istabbiltà, biex ikun jista' jħalli l-influwenza meħtieġa fuq skala multilaterali.
Matul il-laqgħat, il-President Spiteri Debono ferħet lill-Ambaxxaturi għall-ħatra tagħhom.