Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

10/15/2026 | Press release | Distributed by Public on 10/16/2026 08:56

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

​Il-perjodu għar-riċerka fuq is-seba' speċi tal-Għasafar tal-Għana u l-insib għall-Malvizz jiftaħ nhar it-Tlieta, 20 ta' Ottubru 2026, filwaqt li l-insib għall-Pluviera jiftaħ fl-1 ta' Novembru 2026​

Il-Gvern, wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat ORNIS, qiegħed iħabbar il-ftuħ tal-perjodu ta' riċerka fuq is-seba' speċi tal-Għasafar tal-Għana mill-20 t'Ottubru sal-20 ta' Diċembru 2026, iż-żewġ dati inklużi.

Kull min se jipparteċipa fil-proġett ta' riċerka fuq l-Għasafar tal-Għana, taħt l-awtorizzazzjoni tal-liċenzja speċjali maħruġa f'ismu, se jkun:

  • Obbligat iħarrab lura fis-selvaġġ kull għasfur tal-għana li jaqbad immedjatament wara li jkun iċċekkja jekk hux imlibbes ċurkett xjentifiku u jirrapportah dak il-ħin stess (speċi u ammont) billi jċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile reġistrat f'ismu, jew billi juża l-mobile app 'Game Reporting MT'. Is-sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma;
  • Obbligat jikteb id-dettalji kollha fil-formola taċ-ċrieket maħruġa f'ismu, li hija inkluża mal-liċenzja speċjali, jekk jaqbad Għasfur tal-Għana b'ċurkett xjentifiku;
  • Kull għasfur li jaqbad li għandu ċurkett xjentifiku għandu wkoll jiġi rrapportat dakinhar stess kif spjegat fil-liċenzja speċjali;
  • Imħeġġeġ jieħu filmat qasir fejn juri l-għasafar tal-għana qegħdin jitħarrbu mill-istess post minn fejn inqabdu kif spjegat fil-liċenzja speċjali;
  • Jirrapporta r-research effort kull meta jieħu sehem fil-proġett ta' riċerka u ma jkunx qabad għasafar tal-għana billi, qabel jitlaq, iċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f'ismu, jew juża l-mobile app 'Game Reporting MT', kif spjegat fil-liċenzja speċjali.

Kull min hu fil-pussess tal-liċenzja speċjali għar-riċerka tal-għana legalment obbligat josserva ir-regolamenti kollha marbuta ma' din id-deroga.

Il-Gvern ukoll, wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat ORNIS, qiegħed iħabbar il-ftuħ tal-istaġun għall-insib għall-Malvizz mill-20 ta' Ottubru 2026 sal-31 ta' Diċembru 2026, iż-żewġ dati inklużi, u għall-Pluviera mill-1 ta' Novembru 2026 sal-10 ta' Jannar 2027, iż-żewġ dati inklużi, bi kwota nazzjonali ta' 5,000 Malvizz u 700 Pluviera.

Kull min huwa liċenzjat li jonsob għall-Malvizz u l-Pluviera se jkun:

  • Obbligat jirrapporta immedjatament kull Malvizz u Pluviera li jaqbad billi jċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f'ismu, jew billi juża l-mobile app 'Game Reporting MT'. Is-sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma;
  • Jekk jaqbad Malvizz jew Pluviera b'ċurkett xjentifiku, obbligat jikteb id-dettalji kollha fil-formola taċ-ċrieket, maħruġa f'isem il-persuna bil-liċenzja, li hija inkluża mal-liċenzja speċjali;
  • Jirrapporta t-trapping effort kull meta jmur jonsob u ma jaqbadx Mlievez jew Pluvieri billi, qabel jitlaq, iċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f'ismu, jew juża l-mobile app 'Game Reporting MT', kif spjegat fil-liċenzja speċjali.

Is-sistema telefonika 8000 2020 tipprovdi gwida permezz ta' messaġġi bil-vuċi li huma faċli biex wieħed isegwi, u ż-żewġ sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma. ​

Kull min hu fil-pussess tal-liċenzja speċjali għall-insib tal-Malvizz u l-Pluviera legalment obbligat josserva r-regolamenti kollha marbuta ma' din id-deroga.

​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on October 15, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on October 16, 2026 at 14:56 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]