Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

03/27/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/28/2026 03:28

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Is-settur tal-manifattura joħloq karrieri u opportunitajiet f’pajjiżna – il-Prim Ministru Robert Abela waqt avveniment li fakkar it-30[...]




Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza attività kommemorattiva fl-okkażjoni tat-30 anniversarju ta' Thermoplastics Ltd f'Malta, fejn sellem il-ħidma, il-viżjoni u r-reżiljenza li wasslu biex din il-kumpanija ssir storja ta' suċċess fil-qasam tal-manifattura f'pajjiżna.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru rrimarka li s-settur tal-manifattura huwa wieħed li joħloq karrieri u opportunitajiet għal ħafna ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Dr Abela nnota li pajjiżna laħaq tragward importanti meta rreġistra l-ogħla rata ta' impjiegi fl-Unjoni Ewropea, frott deċiżjonijiet strateġiċi li ttieħdu tul dawn l-aħħar snin. Huwa żied jgħid li l-manifattura baqgħet toħloq impjiegi, baqgħet kompetittiva u mistenni li tkompli tgħolli l-livell tal-kwalità. Fl-istess waqt huwa ta ġieħ lil dawk kollha li jaħdmu bla heda biex jiġġeneraw suċċess f'settur tant importanti għall-ekonomija Maltija.

Il-Prim Ministru nnota kif din il-kumpanija espandiet l-operat tagħha lill hinn minn xtutna, fir-reġjun tal-Mediterran u rnexxielha tibni netwerks kummerċjali ma' kumpaniji kbar internazzjonali. Qal li dan juri biċ-ċar il-potenzjal tal-intrapriża Maltija meta tkun imsaħħa b'viżjoni, bl-investiment neċessarju u bi tmexxija serja.

Dr Abela rrefera wkoll għall-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tħares lejn il-manifattura bħala pilastru ta' eċċellenza biex pajjiżna jibqa' jipproduċi u jesporta prodotti ta' kwalità magħmula fil-fabbriki tagħna, filwaqt li jsaħħaħ il-pożizzjoni globali ta' pajjiżna. Huwa żied jgħid li din il-viżjoni hija possibbli għaliex Malta għandha ekonomija b'saħħitha li tagħti ċ-ċertezza u l-istabbiltà meħtieġa biex in-negozji jkomplu jinvestu u jespandu.

Huwa tenna li ċ-ċertifikati pożittivi li l-ekonomija Maltija qed tibqa' tirċievi minn aġenziji internazzjonali tal-kreditu u minn istituzzjonijiet bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali jkomplu jsaħħu l-kapaċità tal-Gvern li joffri sostenn konkret lin-negozji, b'mod partikolari permezz tas-sussidju fl-elettriku.

Il-Prim Ministru sostna li, waqt li fabbriki madwar l-Ewropa qed jiffaċċjaw inċertezza kbira u f'ċerti każijiet qed jintalbu jnaqqsu jew iwaqqfu l-operat tagħhom f'ċerti ħinijiet, f'Malta l-Gvern se jibqa' jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u jagħti s-serħan il-moħħ lin-negozji biex ikomplu jikbru u jespandu. Qal li Malta hija l-uniku pajjiż Ewropew li żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija matul dawn l-aħħar erba' snin minkejja l-isfidi internazzjonali, b'investiment li laħaq il-biljun ewro biex isostni lill-familji u lin-negozji.

Fl-istess waqt, il-Prim Ministru Abela qal li l-Gvern se jkompli jinċentiva ż-żewġ trasformazzjonijiet ewlenin li jridu jkomplu jmexxu 'l quddiem l-industrija, dik diġitali u dik ambjentali. Dr Abela rrimarka li Thermoplastics diġà qed turi impenn qawwi lejn is-sostenibbiltà, fosthom permezz tal-użu ta' materjal tal-plastik riċiklat. Huwa spjega li l-qalba ambjentali mhijiex biss sfida, iżda opportunità. Fl-istess waqt il-qalba diġitali hija wkoll ċans ieħor biex il-manifattura tkompli tevolvi. Qal li għalhekk huwa essenzjali l-investiment fil-ħiliet u fl-aqwa teknoloġija, mhux biex it-teknoloġija tieħu post il-ħaddiema, iżda biex tikkumplimenthom.

Il-Prim Ministru Abela temm billi rringrazzja lill-management u lill-ħaddiema kollha ta' Thermoplastics tas-sehem tagħhom matul dawn it-30 sena, filwaqt li assigura lill-kumpanija li f'Malta se tibqa' ssib stabbiltà u serħan il-moħħ biex tkompli miexja 'l quddiem.

Fl-okkażjoni tkellem ukoll il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri li saħaq li l-investiment fit-teknoloġiji avvanzati bħall-awtomazzjoni u t-3D printing juri li Thermoplastics qed tħares 'il quddiem u tinvesti fil-futur. "Dan huwa eżatt il-mudell ta' negozju li rridu naraw f'pajjiżna, mudell li jimxi id f'id mal-Viżjoni Malta 2050. B'dan il-mod, qed nassiguraw li l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà jkunu l-elementi ewlenin għal ekonomija li tkompli toħloq impjiegi ta' kwalità u valur miżjud," qal il-Ministru Schembri. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli.

Thermoplastics Ltd timpjega aktar minn 250 persuna f'Malta u fit-Tuneżija, u tipprovdi prodotti lill-klijenti kemm lokali kif ukoll barranin fis-setturi tal-ġugarelli, tal-karozzi, tal-ismart technologies, kif ukoll tal-kostruzzjoni.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on March 27, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on March 28, 2026 at 09:28 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]