Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/13/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/14/2026 04:09

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI 68 student u studenta ppremjati għal ħiliet kreattivi


St
udenti fl-età bejn is-sitt snin u s-sittax-il sena, kellhom l-opportunità jesprimu s-sentiment tagħhom b'ħiliet artistiċi u bil-kitba kreattiva dwar ir-relazzjonijiet b'saħħithom u l-effetti tal-vjolenza domestika.

Dan sar permezz ta' kompetizzjonijiet tal-arti u tal-kitba tal-poeżija u l-komponimenti li ġew organizzati fl-iskejjel waqt is-sittax-il jum ta' attiviżmu kontra l-vjolenza domestika bit-tema "Għandna Ħolma: Futur mingħajr Vjolenza."

F'ċeremonja ta' premjazzjoni organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi flimkien mal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika tqassmu rigali ta' kotba u tokens finanzjarji lil kważi 70 student u studenta għall-aħjar xogħlijiet li ppreżentaw f'diversi kategoriji li ntgħażlu minn ġurija għal kull kategorija.

Il-premjijiet ġew ippreżentati minn mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, li flimkien mas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg u l-Kummissarju Samantha Pace Gasan ippremjaw lir-rebbieħa għat-talent u l-impenn tagħhom f'din il-kompetizzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg waqt li ferħet lir-rebbieħa qalet li kull min ħa sehem bix-xogħlijiet tiegħu f'din il-kompetizzjoni għandu jkun għal ħajtu kollha ambaxxatur kontra l-vjolenza domestiku u favur relazzjonijiet intimi mibnija fuq ir-rispett.

Hija qalet li din l-kompetizzjonijiet offriet l-opportunità lill-istudenti biex b'diversi forom kreattivi mill-arti viżiva sal-poeżija, jirriflettu fuq relazzjonijiet siguri ħielsa mill-vjolenza u l-abbuż, inkluż dawk li jsiru online.

"Huwa b'dan l-impenn li nistgħu verament naspiraw għal futur mingħajr vjolenza," saħqet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Min-naħa tagħha mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li permezz tal-kreattività tagħhom dawn l-istudenti qed iwasslu messaġġ qawwi favur relazzjonijiet mibnija fuq ir-rispett, l-ugwaljanza u l-imħabba. Dr Abela sostniet fuq l-importanza li minn età żgħira nkomplu nedukaw lill-istudenti dwar il-valuri ta' relazzjonijiet b'saħħithom, sabiex flimkien nibnu futur mingħajr vjolenza domestika.

Il-Kummissarju għall-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan, waqt li raddet ħajr lill-parteċipanti kollha u l-iskejjel għal koperazzjoni tagħhom, spjegat li din l-kompetizzjoni kienet parti mill-bosta inizjattivi li saru mill-kummissjoni biex tqajjem għarfien dejjem akbar li l-vjolenza domestika ma tistax tkun aċċettat jew skużabbli bl-ebda ċirkostanza.

Hija qalet li b'din l-inizjattiva kompliet titwettaq l-istrateġija nazzjonali kontra l-vjolenza domestika. Samantha Pace Gasan qalet li l-kummissjoni adottat strateġija ta' involviment attiv fil-programmi tagħha tas-setturi varji tal-komunità. Hija qalet li l-kummissjoni tqies li l-arti u l-kreattività huma pilastri importanti sabiex iwasslu l-messaġġ għal bidliet fis-soċjetà favur kultura għall-ugwaljanza li għandha tkun fiċ-ċentru ta' kull relazzjoni ta' imħabba.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 13, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 14, 2026 at 10:10 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]