Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

11/14/2025 | Press release | Distributed by Public on 11/15/2025 03:15

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Malta b’riżultati pożittivi b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari – mhux aktar meqjusa fost pajjiżi taħt pressjoni

- Pajjiżna mhux meqjus taħt pressjoni bħal pajjiżi oħra fil-Mediterran
- Il-wasliet f'Malta naqsu b'93% fuq 5 snin

Malta m'għadhiex meqjusa bħala pajjiż taħt pressjoni fejn tidħol immigrazzjoni rregolari, hekk kif mhijiex mal-lista ta' pajjiżi Mediterranji li l-Unjoni Ewropea ser tkun qiegħda tassisti b'rabta ma' dan, skont l-EU Pact on Migration and Asylum addottat fis-sena 2024.

Dan ikompli jiċċertifika l-ħidma li wettaq dan il-Gvern biex illum is-sitwazzjoni hija taħt kontroll, tant li l-wasliet f'pajjiżna naqsu b'93% fuq ħames snin, u dan meta wieħed iqabbel il-wasliet irregolari tas-sena 2024 ma' dawk tas-sena 2019.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri spjega kif il-politika iebsa ma' min jabbuża u ħanina ma' min għandu bżonn l-għajnuna qiegħda tħalli r-riżultati.

"Fl-2019, konna bħal dawn il-pajjiżi, konna taħt pressjoni għaliex in-numru ta' wasliet irregolari kienu sinifikanti. Anke jekk saħħaħna r-relazzjoni mal-Libja, ir-raġuni effettiva li waslet għal tnaqqis kien il-fatt li Malta tipprattika politika ġusta tal-immigrazzjoni u li wara li ssalva lil kulħadd, tassisti lil min hu rifuġjat, iżda iebsa ħafna ma' min jabbuża u jkun ritornat lejn il-pajjiż tal-oriġinu tiegħu jew tagħha."

Spjega kif id-deċiżjoni li jitwaqqaf returns unit fi ħdan il-Ministeru wasslet biex f'dan is-settur tinbidel ir-rotta, għall-pożittiv.

"Dan wassal biex illum għandna fost l-ogħla rati ta' ritorn lejn pajjiżi terzi, lejn il-pajjiż tal-oriġinu, rata li fl-aħħar snin żdiedet anke għal madwar 80%. Dan wassalna biex illum aħna mhux biss ta' eżempju għal pajjiżi oħra imma wkoll mhux meqjusin bħala pajjiż li f'dan ir-rigward jeħtieġ għajnuna."

Filwaqt li tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jwettaq aktar ħidma li tħalli r-riżultati mixtieqa, il-Ministru Byron Camilleri kkonkluda li dan ifisser li salvajna ħafna ħajjiet, għaliex qegħdin nindirizzaw it-traffikanti tal-bnedmin, id-deterrent ta' ritorn qiegħed iwassal biex inqas nies jagħmlu vjaġġi riskjużi li jħaxxnu l-but tat-traffikanti.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on November 14, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on November 15, 2025 at 09:15 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]