Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

10/19/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/20/2025 15:50

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Il-kompetittività Ewropea trid tibda mill-Mediterran”– il-Prim Ministru Robert Abela f’Summit tal-MED9 fis-Slovenja

Il-mexxejja waqt is-Summit tal-MED9 jaqblu fuq viżjoni komuni għal Ewropa aktar kompetittiva, sigura u sostenibbli


F'Portorož, fi Slovenja, il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem fis-Summit tal-MED9 flimkien mal-Mexxejja ta' Stati Membri tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u r-Re Abdullah II tal-Ġordan.

Waqt l-ewwel laqgħa mal-Mexxejja, il-Prim Ministru saħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Mediterranji sabiex l-Ewropa tkun aktar kompetittiva, sigura u reżiljenti, tlett oqsma li jiffurmaw l-pedamenti tal-futur tal-Ewropa.

"Il-Mediterran mhuwiex il-periferija tal-Ewropa iżda l-mutur ewlieni tal-kompetittività tagħha. Fir-reġjun Mediterran l-ispejjeż tal-enerġija u l-isfidi loġistiċi jħallu impatt qawwi fuq l-ekonomija, għalhekk irridu niżguraw li l-benefiċċji tas-Suq Uniku jaslu għand kulħadd filwaqt li nsaħħu l-konnettività, il-kummerċ u l-ħiliet. Għalhekk bħala pajjiż nemmnu li l-Patt għall-Mediterran huwa pass importanti f'din id-direzzjoni għaliex jagħraf il-potenzjal tar-reġjun tagħna bħala ċentru ta' tkabbir u stabbiltà," qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru żied jgħid li l-enerġija u l-konnettività huma fil-qalba ta' din il-viżjoni. "Bdejna dan id-djalogu f'Malta sentejn ilu, meta tkellimna dwar il-Mediterran bħala ċentru għall-enerġija ħadra. Illum qegħdin hawn inkomplu fuq dik il-viżjoni u naraw li nsaħħu r-rabtiet bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana tal-Ewropa filwaqt li nintegraw il-pajjiżi gżejjer fuq il-grid Ewropew."

Il-Prim Ministru enfasizza wkoll li l-kompetittività tiddependi fuq in-nies. "Il-Mediterran għandu jkun spazju fejn il-ħiliet u t-talent jimxu b'mod sigur u legali. Għandna bżonn aktar kooperazzjoni akkademika, taħriġ u rotot għal talent fis-setturi diġitali u ħodor, filwaqt li nindirizzaw ukoll il-kawżi tal-immigrazzjoni irregolari," fisser il-Prim Ministru fis-Summit fis-Slovenja.

Tkellem ukoll dwar il-bżonn li d-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-klima u l-enerġija jsaħħu mhux idgħajfu l-kompetittività tal-Ewropa. "Irridu nkunu ambizzjużi iżda wkoll realistiċi, inkluż fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fejn irridu nħarsu s-setturi li huma kruċjali għall-ekonomija u l-kompetittività, bħalma huwa s-settur marittimu. Għandna nipproteġu l-familji tagħna minn piżijiet finanzjarji sproporzjonati filwaqt li nagħtu ċertezza lin-negozji biex jinvestu fil-futur," sostna l-Prim Ministru.

"Fl-aħħar mill-aħħar, dak li jgħaqqadna f'dan il-grupp huwa l-għan li nħallu lill-pajjiżi fil-Mediterran u lill-Ewropa kollha jattiraw xogħol ta' kwalità, negozji b'saħħithom u ħajja aħjar għaċ-ċittadini. Jekk naħdmu flimkien fis-settur tal-enerġija, il-konnettività u l-ħiliet, il-Mediterran jista' jkun il-magna tat-tkabbir u tal-istabbiltà għall-Unjoni Ewropea kollha," aċċenna b'mod b'saħħtu l-Prim Ministru.

Waqt laqgħa fil-preżenza tar-Re Abdullah II tal-Ġordan, id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-paċi fil-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża. Hawnhekk il-Prim Ministru reġa' tenna l-pożizzjoni ta' Malta favur waqfien immedjat mill-ġlied u soluzzjoni bbażata fuq żewġ stati, waqt li rrikonoxxa r-rwol kruċjali tal-Ġordan bħala sieħeb għall-paċi, l-istabbiltà u l-għajnuna umanitarja.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on October 19, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on October 20, 2025 at 21:50 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]