Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

02/19/2026 | Press release | Distributed by Public on 02/20/2026 04:18

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU: Konsultazzjoni pubblika estensiva li se twassal għal deċiżjoni infurmata u kollettiva dwar l-użu tal-midja soċjali fost l-adolexxenti


Wa
qt laqgħa oħra dwar ir-riforma tal-użu tal-midja soċjali fost l-adolexxenti, li saret fil-Berġa ta' Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela wera sodisfazzjon li bosta persuni għamlu għażla konxja li jipparteċipaw f'din id-diskussjoni dwar settur, dak tal-midja soċjali, li kull ma jmur qed jikber fl-importanza tiegħu. Huwa qal li l-parteċipazzjoni attiva f'din il-konsultazzjoni pubblika timlih bil-kuraġġ, hekk kif innota li bħalissa għaddejja l-fażi li fiha l-Gvern qed jisma' u, abbażi ta' dawn id-diskussjonijiet konsultattivi, se jkun qed jasal għal deċiżjoni kollettiva ta' poplu.

Il-Prim Ministru sostna li l-użu estensiv tal-mobiles u l-midja soċjali fost it-tfal u l-adolexxenti hija realtà li ħafna ġenituri qed jitħadtu magħna dwarha. Huwa sostna kif permezz ta' din il-konsultazzjoni pubblika l-Gvern qed jagħżel li jieħu azzjoni li ġġib differenza. Huwa żied jgħid li d-deċiżjoni li rridu nieħdu mhijiex jekk għandniex issir xi ħaġa jew le. "Nemmen li l-maġġoranza assoluta tal-poplu tagħna jemmen li xi ħaġa għandha ssir. Għalhekk irridu nitħadtu sa fejn irridu mmorru," qal Dr Abela. Huwa żied jgħid li l-għan ta' din ir-riforma huwa li, kemm jista' jkun, l-adolexxenti u t-tfal jieħdu aktar interess u jagħtu prijorità lill-attività fiżika b'mod ġenerali. Għalhekk saħaq dwar l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ. Huwa sostna li, filwaqt li m'aħniex tard għat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Gvern mhux se jkun qed ikaxkar saqajh sabiex jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji għall-ġid tas-soċjetà.

Hekk kif fakkar li dan il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika se jintemm matul il-ġimgħa d-dieħla, il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li din il-konsultazzjoni pubblika se twassal biex tittieħed deċiżjoni informata fuq settur li huwa fluwidu u li l-Gvern se jkun qed jieħu deċiżjonijiet konsultati u informati b'risq il-ġenerazzjoni żagħżugħa u l-ġenerazzjonijiet kollha ta' pajjiżna.

Parteċipi għal din id-diskussjoni kien hemm ukoll Dr Lydia Abela. Hija qalet li din hija diskussjoni kruċjali għax tmiss direttament lill-ulied. Fl-istess waqt esprimiet sodisfazzjon għal din l-inizjattiva. "Nafu li għalkemm il-midja soċjali għandha t-tajjeb tagħha qed ikollha wkoll numru ta' effetti negattivi speċjalment fuq it-tfal u anke fuq is-saħħa mentali tagħhom fost affarijiet oħra," qalet Dr Lydia Abela.

Hija ħadet ukoll l-opportunità biex tirringrazzja lil dawk li huma attivi fuq il-midja soċjali, bħall-content creators u l-influencers, li permezz tal-kontenut li jtellgħu fuq il-mezzi soċjali jgħinu biex titqajjem kuxjenza dwar suġġetti importanti u ta' interess pubbliku. Fl-istess waqt, hija appellat għal użu aktar responsabbli tal-midja soċjali, b'sens ta' rispett u b'għarfien akbar tal-impatt li l-kontenut jista' jkollu.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon spjega kif il-midja soċjali, speċjalment fost iż-żgħażagħ, tista' tintuża b'mod pożittiv biex tiffaċilita t-tagħlim, il-komunikazzjoni u l-kreattività, iżda wkoll tista' tintuża b'mod ħażin b'konsegwenzi serji. Huwa fakkar li, illum il-ġurnata, is-cyber bullying u is-cyber stalking huma reati fihom infushom.

Il-Ministru Falzon qal li jeżistu diversi possibilitajiet li jistgħu jiġu kkunsidrati dwar kif din ir-riforma tista' titmexxa, fosthom miżuri ta' prevenzjoni u edukazzjoni, kif ukoll interventi li jsaħħu l-protezzjoni u s-sigurezza tat-tfal u l-adolexxenti online. Huwa saħaq li, permezz ta' dan il-proċess konsultattiv, il-Gvern se jkun qed jasal għal deċiżjoni li biha se jkunu qed ninvesti mhux biss fil-ġid tat-tfal, iżda wkoll fil-ġid tas-soċjetà kollha kemm hi.

Fl-intervent tagħha s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li kemm bħala politiku kif ukoll bħala omm temmen li għandu jkun hemm din ir-riforma biex ikun hemm regolamentazzjoni li tagħti protezzjoni lit-tfal u l-adolexxenti. Hija qalet li f'dawn il-laqgħat ta' konsultazzjoni pubbliku inħass sentiment komuni li barra l-aspetti pożittivi tal-midja soċjali hemm ukoll aspetti oħrajn negattivi speċjalment għat-tfal li jeħtieġ li jiġu regolarizzati.

Rebecca Buttigieg qalet li numru ta' pajjiżi bdew jieħdu azzjonijiet biex jirregolaw il-midja soċjali. Qalet li bħal nazzjon għandha dmir li nirregolaw ukoll il-midja soċjali u għalhekk qiegħed isir dan il-proċess ta' konsultazzjoni biex ir-riforma tkun l-aħjar skont ir-realtajiet ta' pajjiżna għaliex m'aħniex sempliċiment naddottaw dak li qed isir f'pajjiżi oħra anke għaliex kull pajjiż qiegħed jadatta r-regolamentazzjoni skont ir-realtajiet tiegħu.

Waqt din id-diskussjoni pparteċipaw bosta persuni, fosthom ġenituri, adolexxenti, edukaturi, content creators, influencers, rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet non-governattivi, kif ukoll il-Kummissarju għat-Tfal. Id-diskussjoni messet diversi temi, fosthom jekk ir-regolamentazzjoni għandhiex tkun biss f'idejn il-Gvern jew jekk l-operaturi u l-pjattaformi għandhomx ukoll iġorru parti mir-responsabbiltà. Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa li t-tfal u l-adolexxenti jingħataw opportunitajiet biex jagħmlu użu minn għodod diġitali u jitgħallmu jużawhom b'mod sigur, responsabbli u bilanċjat. Fl-istess waqt, ġew diskussi l-elementi pożittivi u dawk negattivi li jistgħu jirriżultaw mill-użu tal-midja soċjali. Ġie diskuss ukoll kif l-użu tal-midja soċjali qed jinfluwenza l-mod kif it-tfal u l-adolexxenti jissoċjalizzaw mal-kumplament tas-soċjetà, u l-impatt li dan qed ikollu fuq il-ħajja ta' kuljum tal-adolexxenti.

Il-pubbliku jista' jagħmel is-sottomissjonijiet għall-green paper dwar din ir-riforma permezz tas-sit elettroniku publicconsultation.gov.mt. Il-konsultazzjoni pubblika se tkun qed ittemm nhar is-27 ta' Frar 2026.

PR260276f.pdf


Ritratti: DOI/OPM

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on February 19, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on February 20, 2026 at 10:18 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]