09/22/2025 | Press release | Distributed by Public on 09/23/2025 02:15
L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta' Malta, ippreżentat l-Ittri tal-Ħatra lis-Sur David Muscat bħala r-Rappreżentant ta' Malta għall-Palestina, li qiegħed jissuċiedi lill-E.T. Franklin J. Aquilina li ġie riċentement maħtur bħala Ambaxxatur ta' Malta għal-Libja.
Il-ħatra tas-Sur David Muscat bħala r-Rappreżentant ta' Malta għall-Palestina, seħħet fl-istess jum li Malta, permezz tal-Prim Ministru Robert Abela, irrikonoxxiet lill-Palestina bħala Stat waqt l-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti, fi New York, l-Istati Uniti tal-Amerika.
Waqt din il-laqgħa li saret fil-Palazz ta' Sant'Anton, il-President aċċennat kif il-pass storiku li għamlet Malta, flimkien ma' pajjiżi oħra, jista' jservi sabiex iqarreb għall-paċi dejjiema.
Is-Sur Muscat tenna dwar l-importanza u l-bżonn li l-poplu Palestinjan fil-Medda ta' Gaża, jibqa' jingħata l-għajnuna umanitarja meħtieġa, anke kif għamel il-Gvern Malti fl-aħħar jiem billi bagħat konsenja ta' 250 tunnellata ta' dqiq.
Hawnhekk, il-President appellat ukoll sabiex dan il-pass storiku jitqies bħala opportunità, ħalli jibqgħu jinbnew u jissaħħu r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Istat Palestinjan.