Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

09/25/2025 | Press release | Distributed by Public on 09/26/2025 00:38

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU: Malta tafferma appoġġ qawwi għas-sovranità tal-Ukrajna fis-summit tal-Crimea Platform


  • Malta pparteċipat ukoll f'laqgħat oħra li saru matul il-jum tal-Ġimgħa fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, li ffukaw fuq it-tibdil fil-klima u ż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela afferma mill-ġdid l-appoġġ ta' Malta għas-sovranità, l-indipendenza, u l-integrità territorjali tal-Ukrajna skont il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment. Dan hekk kif indirizza l-ħames Summit tal-Crimea Platform fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, liema laqgħa kienet ippreseduta mill-President Ukren Volodymyr Zelensky.

Fir-rimarki tiegħu, il-Prim Ministru Abela enfasizza li ħdax-il sena mill-annessjoni furzata tagħha, il-Federazzjoni Russa qed tkompli tasserixxi l-okkupazzjoni illeġittima tagħha tal-Krimea u Sevastopol, bi ksur dirett tal-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa saħaq li jingħataw lura t-territorji meħuda, mhux biss huwa essenzjali għall-Ukrajna nnifisha, iżda wkoll pass kruċjali lejn l-istabbiliment ta' paċi ġusta, wiesgħa, u dejjiema.

Il-Prim Ministru esprima solidarjetà mar-residenti Ukreni taħt l-okkupazzjoni Russa fil-Krimea, u kkundanna t-tentattivi sistematiċi ta' Moska biex tħassar l-identità u l-istil ta' ħajja nazzjonali tal-Ukrajna. Huwa nnota li l-azzjonijiet tar-Russja, inkluż l-impożizzjoni furzata taċ-ċittadinanza, l-ikkontrollar bil-militar u l-intimidazzjoni, huma mmirati biex jibdlu b'mod permanenti n-nisġa demografika u kulturali tal-Krimea.

Huwa tkellem wkoll dwar id-deportazzjoni illegali ta' tfal Ukreni mill-Krimea - azzjonijiet maħsuba biex jbiddlu l-identità u ċ-ċittadinanza tat-tfal.

Meta tkellem f'isem pajjiżna, bħala l-President attwali tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Prim Ministru enfasizza d-determinazzjoni tal-Gvern li jipprijoritizza l-protezzjoni tat-tfal milquta mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja. Huwa saħaq li Malta se tkompli tappella għar-ritorn sigur tat-tfal Ukreni kollha spostati bil-forza minn art twelidhom.

Il-Prim Ministru Abela saħaq li l-integrazzjoni mill-ġdid bi dritt tal-Krimea bħala parti mill-Ukrajna mhix negozjabbli, u appella lill-Federazzjoni Russa biex immedjatament treġġa' l-okkupazzjoni illegali tagħha tal-Krimea flimkien mat-territorji ta' Donetsk, Luhansk, Kherson, u Zaporizhzhia.

Is-Summit għalaq l-adozzjoni 'Tad-Dikjarazzjoni ta' New York', li fiha l-parteċipanti qablu li jintensifikaw l-isforzi diplomatiċi, legali, u umanitarji biex itemmu l-okkupazzjoni illegali tar-Russja u biex jiżguraw li jkun hemm rendikont għall-ksur tagħha tad-dritt internazzjonali.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg.

Il-Prim Ministru indirizza wkoll is-Summit tal-World Programme Action for Youth fejn saħaq fuq il-bżonn ta' aktar żgħażagħ fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet.

Tkellem fuq kif meta ż-żgħażagħ jingħataw spazju veru jkunu huma li joħorġu bis-soluzzjonijiet. Hawnhekk irrefera għall-Youth Advisory Forum li nħatar f'Malta u qed iservi ta' Kabinett taż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru ta l-kelma lil Chloe Cauchi, avukat Maltija li qed isservi bħala Youth Delegate ta' Malta fin-Nazzjonijiet Magħquda. Hija saħqet fuq l-investiment fl-edukazzjoni u fix-xogħol diċenti, il-ħarsien tad-drittijiet taż-żgħażagħ, is-saħħa mentali u l-aċċess għal għodod diġitali bħala temi li n-Nazzjonijiet Magħquda għandha tqiegħed fuq quddiem nett fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mill-ħolqien tal-programm Action for Youth. Indirizza dan l-avveniment ukoll il-Kummissarju Ewropew f'isem pajjiżna, Glenn Micallef - dan fl-isfond tal-portafoll tiegħu li jkopri ż-żgħażagħ.

F'summit separat, li din id-darba kien organizzat minn pajjiżna bi sħab ma' pajjiżi oħra, ġiet trattata t-tema tal-għoli fil-livelli tal-baħar - kawża tat-tibdil fil-klima.

Il-Prim Ministru fakkar kif it-tibdil fil-klima hija problema serja għall-pajjiżi li għandhom żoni qrib jew taħt tal-livell tal-baħar.

"F'pajjiżna għandna sistemi u studji li diġà qed isiru biex isir monitoraġġ ta' żoni simili. Huwa importanti li nibqgħu nsegwu mill-qrib l-azzjoni internazzjonali f'dan il-qasam, filwaqt li nqassmu l-esperjenza li għandha Malta biex ngħinu lil pajjiżi oħra", temm jgħid Dr Abela.

Ritratti: OPM

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on September 25, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on September 26, 2025 at 06:38 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]