Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

09/30/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/01/2025 00:56

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura ristorant Malti fiċ-ċentru ta’ Londra

F'ċertifikat ieħor tal-livell għoli fil-qasam tal-ospitalità f'pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-ftuħ ta' ristorant ġdid Malti fiċ-ċentru ta' Londra.​​

Aki London fetaħ il-bibien tiegħu f'One Cavendish Square fil-kapitali tar-Renju Unit wara s-suċċess lokali li kiseb dan l-istabbiliment fil-Belt Valletta.

Fl-indirizz tiegħu waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, Dr Abela sostna kif l-investiment li sar f'dan l-istabbiliment minn DB Group jixhed ekonomija lokali b'saħħitha u l-ispirtu intraprenditorjali b'saħħtu fost il-persuni fil-qasam tan-negozju f'pajjiżna.

"Il-ftuħ ta' dan ir-ristorant fil-qalba ta' Londra juri biċ-ċar li l-kumpaniji lokali ta' pajjiżna huma kunfidenti, ambizzjużi u lesti li jikkompetu globalment f'dan is-settur. Dan grazzi għal bażi ekonomika b'saħħitha mwaħħda mal-innovazzjoni u l-kuraġġ tal-poplu tagħna li jkompli jinvesti," sostna l-Prim Ministru.

Dr Abela sostna wkoll kif il-ftuħ ta' dan l-istabbiliment jimmarka tragward importanti ieħor għas-settur tal-ospitalità f'pajjiżna.

"Dan is-suċċess huwa attribwit ukoll għall-avvanz kulinarju b'saħħtu li rajna f'Malta fl-aħħar snin u li huwa rifless ukoll fil-gwida tal-Michelin għal din is-sena. Fejn qatt konna nimmaġinaw li pajjiż żgħir bħal Malta issa joffri numru kbir ta' esperjenzi Michelin," irrimarka l-Prim Ministru. Fil-fatt, hawn Dr Abela fakkar li pajjiżna llum jospita sitt ristoranti bi stilla Michelin filwaqt li ristorant ieħor għandu żewġ stilel. Apparti minn hekk 31 ristorant f'pajjiżna huma rakkomandati mill-istess gwida.

Il-Prim Ministru b'hekk sostna li hekk kif il-prodott Malti fis-settur tal-ospitalità qed ikompli jitjieb b'ritmu b'saħħtu dan se jkompli jgħin biex jattira turiżmu ta' kwalità u b'hekk qed tkompli tiġi implimentata l-viżjoni tal-Gvern f'dan ir-rigward.

Intant, waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela żar l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li wkoll huma bbażati f'Londra. Hemmhekk huwa ltaqa' mal-ħaddiema, bil-Prim Ministru jirringrazzjahom talli qed iwasslu l-aqwa reklam favur pajjiżna. Dr Abela żar ukoll il-Kummissjoni Għolja Ingliża fejn hemmhekk akkumpanjat mill-Kummissarju Għoli ta' Malta għar-Renju Unit Stephen Montefort, iltaqa' mad-diplomatiċi Maltin.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru u martu għal din iż-żjara kien hemm il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on September 30, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on October 01, 2025 at 06:56 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]