Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

02/22/2026 | Press release | Distributed by Public on 02/23/2026 11:19

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta tħeġġeġ għal iżjed kollaborazzjoni bejn l-UE u l-imsieħba[...]




Id-Deputat Prim Ministru Borg fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE lejlet ir-raba' anniversarju mill-bidu tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Lejlet ir-raba' anniversarju mill-bidu tal-gwerra t'aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, Malta sostniet l-importanza ta' kollaborazzjoni diplomatika kontinwa mill-Unjoni Ewropea mal-imsieħba internazzjonali, hekk kif kompliet tappoġġja l-ħidma li għaddejja lejn paċi sħiħa u sostenibbli għall-poplu Ukren.

It-Tnejn, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ħa sehem fil-laqgħa ta' Frar tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE, li ddiskuta l-impenn biex tiżdied il-pressjoni fuq ir-Russja, hekk kif din qed tkompli bl-attakki militari tagħha fuq il-persuni ċivili Ukreni.

"Huwa essenzjali li jkollna komunikazzjoni kkoordinata u aktar kollaborazzjoni internazzjonali sabiex nipproteġu lill-Ukrajna u niżguraw l-għaqda u r-reżiljenza demokratika tal-UE. Meta naħdmu flimkien, l-UE jkollha piż ferm akbar minn kwalunkwe stat membru li jaġixxi waħdu," hu spjega.

Filwaqt li esprima appoġġ għan-negozjati ta' paċi li għaddejjin bħalissa, Dr Borg qabel li d-diplomazija trid tkompli tissaħħaħ permezz ta' iżjed pressjoni fuq ir-Russja, b'rispett sħiħ lejn il-liġijiet internazzjonali. F'dan il-kuntest, l-UE għandha tkompli tfittex aktar miżuri restrittivi, kif ukoll iżżid l-impenn tagħha ma' firxa aktar wiesa ta' dawk involuti, sabiex tiddgħajjef il-kapaċità tar-Russja li tkompli għaddejja bl-aggressjoni tagħha, filwaqt li jitħarbtu n-netwerks ta' evażjoni tagħha, inkluż l-hekk imsejħa shadow fleet, mingħajr ma jintlaqtu l-istati membri u ċ-ċittadini tagħhom b'mod sproporzjonat.

Dwar il-Lvant Nofsani, id-Deputat Prim Ministru Malti appella għal tnaqqis fl-eskalazzjoni fix-Xatt tal-Punent, filwaqt li esprima tħassib dwar żviluppi riċenti fl-amministrazzjoni tal-art, li qed iżidu l-instabbiltà u jheddu l-prospetti tas-Soluzzjoni ta' Żewġ Stati.

Irrefera wkoll għat-twettiq tal-Pjan ta' Paċi għal Gaża, fejn innota li l-insistenza tal-Hamas li ma ċċedix l-armi tagħha hija ostaklu sinifikanti sabiex javvanzaw l-isforzi ta' rikostruzzjoni, u sabiex tkompli tiżdied l-għajnuna umanitarja.

"Huwa essenzjali li tingħata prijorità lill-ħidma ta' rikostruzzjoni mill-aktar fis, sabiex niksbu s-sisien għal paċi sostenibbli u sigurtà dejjiema f'Gaża. Il-bini mill-ġdid tal-infrastruttura bażika u s-servizzi essenzjali huma passi kruċjali lejn komunitajiet aktar stabbli u lejn aktar reżiljenza soċjali u ekonomika," żied jgħid.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on February 22, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on February 23, 2026 at 17:19 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]