Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

02/20/2026 | Press release | Distributed by Public on 02/21/2026 02:51

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Għaqdiet volontarji b’87 proġett ġdid fil-komunità


Tqassmu b'miljun ewro f'fondi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), lil numru ta' għaqdiet volontarji biex jitwettqu 87 proġett ġdid fil-komunità. Dan wara proċess kompetittiv miftuħ għall-għaqdiet reġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u li huma eliġibbli għall-iskemi Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) u Small Initiatives Scheme (SIS). Sa mit-twaqqif tagħhom, dawn l-iskemi, ġew implimentati 'l fuq minn 930 proġett b'fondi totali ta' €9.7 miljun.

L-għotjiet lill-għaqdiet volontarji ġew ippreżentati mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza taċ-Chairperson tal-MCVS Gertude Buttigieg u l-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandalo.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif "Dan l-investiment ta' miljun ewro huwa xhieda ċara tal-viżjoni tagħna bħala Gvern li npoġġu lill-komunità fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Il-volontarjat mhuwiex biss att ta' ġenerożità, iżda pilastru fundamentali ta' soċjetà ġusta u inklussiva. Permezz tal-ħidma tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat qed nassiguraw li r-riżorsi pubbliċi jaslu għand dawk li verament jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies."

"Dawn il-fondi mhux biss qed isaħħu lill-għaqdiet volontarji, iżda qed jinvestu direttament fil-familji, fiż-żgħażagħ, fl-anzjani u f'dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Aħna nemmnu f'Malta fejn ħadd ma jitħalla lura, u fejn il-komunitajiet tagħna jingħataw l-għodda u l-appoġġ biex ikomplu jinnovaw u jirrispondu għall-isfidi tal-lum. Il-fatt li sa issa ġew implimentati aktar minn 930 proġett b'investiment ta' kważi €10 miljun juri b'mod konkret ir-rieda politika tagħna li nkomplu nsaħħu dan is-settur. Se nibqgħu naħdmu biex noħolqu aktar opportunitajiet, aktar trasparenza u aktar sostenibbiltà għall-għaqdiet volontarji, għax nemmnu li komunità b'saħħitha tibda minn settur volontarju b'saħħtu," temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia.

Il-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandalo, qal "Huwa ta' sodisfazzjon li naraw, sena wara l-oħra, proġetti ġodda li ser ikunu qed jinbtu f'kommunitajiet differenti, ilkoll bl-intenzjoni li jagħmlu l-ġid fl-oqsma differenti li s-settur volontarju jopera fihom."

Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Anthony Gatt u l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on February 20, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on February 21, 2026 at 08:51 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]