Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

03/17/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/18/2026 09:27

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Avvanz fix-xogħlijiet ta’ restawr fil-Bastjun ta’ San Nikola f’Bormla

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaru x-xogħol li qed isir fuq il-Bastjun ta' San Nikola, Bormla. Ix-xogħlijiet fuq is-sit bdew f'Novembru 2025 taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.

Wara diversi xhur ta' xogħol preparatorju - inkluż dokumentazzjoni dettaljata tas-sit, applikazzjoni għall-permess tal-ippjanar, u l-ħruġ ta' sejħa pubblika għat-tenders - issa bdew ix-xogħlijiet tar-restawr. Waħda mill-isfidi ewlenin tal-proġett hija l-aċċess għas-sit.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif matul it-Tieni Gwerra Dinjija parti mill-ġenb ta' fuq tal-bastjun kienet intlaqtet b'mod serju mill-bombi. Kompla li għalhekk kien meħtieġ li din il-parti terġa' tinbena bħala parti mill-proġett ta' restawr li bħalissa għaddej. Dan ix-xogħol qed isir b'attenzjoni kbira u b'rispett lejn il-wirt storiku sabiex il-bastjun jerġa' jieħu l-forma u d-dehra oriġinali tiegħu. "Il-proġett għandu l-għan li jikkonserva u jsaħħaħ il-valur storiku u kulturali tal-Bastjun ta' San Nikola," temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif din hija parti oħra minn proġett ħolistiku tar-restawr tal-linja ta' fortifikazzjonijiet tal-Kottonera li l-patrimonju tagħhom hu wieħed imprezzabbli. Hija nnotat b'sodisfazzjon il-mod kif qed jitmexxa dan il-proġett u spjegat kif dan il-proġett, flimkien ma' oħrajn ta' restawr fil-Kottonera, qed isiru mill-Gvern bl-impenn tal-Kunsilli Lokali u l-Fondazzjoni Kottonera sabiex il-patrimonju ta' pajjiżna jiġi salvagwardjat.

"Il-lokalitajiet tal-Port u ċioè l-Kottonera huma rikki bil-fortifikazzjonijiet u diversi binjiet storiċi li jagħmlu parti sostanzjali mill-patrimonju kulturali ta' pajjiżna. Illum, ħafna turisti li jżuru pajjiżna jfittxu niċeċ storiċi u kulturali moħbija fil-lokalitajiet. It-turiżmu huwa wieħed mill-pilastri ekonomiċi ta' pajjiżna u fl-aħħar snin, grazzi għall-investiment bla preċedent mill-Gvern bil-kollaborazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kottonera saret parti minn gżirietna imfittxija sew mit-turisti u għalhekk huwa importanti li nkomplu nindukraw dan il-patrimonju," qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Il-Perit inkarigata mix-xogħol Jean Frendo spjegat kif ix-xogħol beda bil-bini ta' armar tul il-parti l-aktar interna tal-Bastjun ta' San Nikola, u għal madwar 15-il metru tul il-faċċata tal-bastjun. L-interventi ta' restawr jinkludu fost oħrajn tiswijiet b'kisi bbażat fuq taħlita ta' ġir 'hydraulic lime', tibdil tal-aktar ġebel deterjorat, il-bini tal-parti meqruda matul il-gwerra, u l-mili tal-fili b'taħlita bbażata fuq il-ġir hydraulic lime. Il-Perit Frendo kompliet tispjega li r-restawr taż-żona milquta mill-bombi beda bit-tneħħija bir-reqqa tal-ġebel li kien sar perikoluż minħabba li ċċaqlaq. Il-partijiet li se jinbnew mill-ġdid se jsegwu l-karatteristiċi arkitettoniċi oriġinali sabiex terġa' tiġi rrestawrata l-leġġibbiltà tal-monument.

​​Preżenti għal din iż-żjara kien hemm iċ-Charmain tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on March 17, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on March 18, 2026 at 15:27 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]