Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

09/30/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/01/2025 08:40

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Mil-lum l-1 t’Ottubru ħaddiema TCN’s ġodda jeħtieġ jitħallsu l-paga esklussivament permezz ta’ trasferimenti bankarju

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol javża li mil-lum l-1 t'Ottubru 2025, jidħol fis-seħħ l-obbligu legali li kwalunkwe pagi miksuba minn jew pagabbli lil ċittadin ta' pajjiż terz għandhom jitħallsu esklussivament permezz ta' trasferiment bankarju f'kont miżmum f'isem l-impjegat jew permezz ta' trasferiment elettroniku ffaċilitat minn istituzzjoni finanzjarja akkreditata u liċenzjata. Dan ir-rekwiżit għandu japplika għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li l-impjieg tagħhom jibda fl-1 ta' Ottubru 2025 jew sussegwentement.

Dan hekk kif qed jidħol fis-seħħ il-pass li jmiss fl-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali dwar il-Labour Migration Policy.

Dawn il-miżuri ser ikomplu jibnu fuq l-impenn tal-Gvern, imniedi għall-ewwel darba bid-dokument ta' konsultazzjoni f'Jannar 2025, li jpoġġi l-ħaddiem fiċ-ċentru tal-politika tax-xogħol, filwaqt li jsaħħaħ it-trasparenza, il-kontabbiltà u l-infurzar kontra l-abbuż.

Dan kif qed jiġu implimentati dawn il-Prinċipji Ewlenin:

  • Protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema: Dinjità fuq il-post tax-xogħol, pagi ġusti u kundizzjonijiet siguri għal kull min jaħdem f'Malta.
  • Ebda tolleranza għall-abbuż: Min jinqabad jabbuża minn ħaddiema, Maltin jew barranin, se jiffaċċja sanzjonijiet, inkluż skwalifika milli jħaddem aktar ħaddiema barranin għal perjodu ta' żmien stabbilit.
  • Trasparenza fil-ħlas tal-pagi: Il-ħlas elettroniku joħloq rekord ċar li jippermetti lill-awtoritajiet jivverifikaw il-konformità mal-kuntratti u l-obbligi tat-taxxa.
  • Implimentazzjoni gradwali u ġusta: Il-liġi l-ġdida se tapplika għal ħaddiema barranin ġodda ingaġġati minn Ottubru 2025 'il quddiem, kif ukoll għal min ikun qed jibdel il-post tax-xogħol.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li, "Abbuż kontra ħaddiem wieħed ifisser abbuż kontra l-ħaddiema kollha. Dan il-Gvern ma jaċċetta l-ebda prattika li toffendi d-dinjità tal-ħaddiema jew tfixkel l-integrità tas-suq tax-xogħol tagħna. Billi nintroduċu l-obbligu ta' ħlas elettroniku, qed nipproteġu lill-ħaddiema kollha u niżguraw kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi."

Il-Labour Migration Policy kienet iffurmata wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa, li rriżultat f'aktar minn 300 sottomissjoni minn industrija, unjins, partijiet soċjali, NGOs u l-pubbliku ġenerali. Il-feedback kien kruċjali biex jiġu rfinati l-miżuri li issa qed jiġu implimentati b'mod gradwali.​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on September 30, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on October 01, 2025 at 14:40 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]