Waqt is-seba' laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea f'Kopenħagen fid-Danimarka, il-Prim Ministru Robert Abela kompla jwassal il-pożizzjoni b'saħħitha ta' pajjiżna fuq is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari.
Din ir-realtà fil-kontinent Ewropew kienet tema ċentrali f'din il-laqgħa, bil-mexxejja Ewropej jaqblu li hemm bżonn approċċ olistiku li jindirizza l-immigrazzjoni irregolari hekk kif l-isfidi li din ġġib magħha dejjem jibqgħu jevolvu.
Dan kien is-sentiment ukoll tal-Prim Ministru Robert Abela li sostna li, apparti qafas b'saħħtu regolatorju u operazzjonali, hemm bżonn tisħiħ tal-isħubijiet strateġiċi u kooperazzjoni globali fuq dan is-suġġett.
"L-isfida quddiemna mhijiex biss li nnaqqsu n-numru ta' wasliet irregolari, iżda li nżidu wkoll ir-ritorn effettiv ta' dawk li jaslu fi xtutna b'mod irregolari u ma jkunux jimmeritaw il-protezzjoni. Il-messaġġ irid ikun wieħed ċar li fil-pajjiżi tagħna, għandna nkunu aħna li niddeċiedu min jidħol, u mhux iċ-ċrieki kriminali li fihom joperaw il-kuntrabandisti tal-bnedmin," sostna l-Prim Ministru, hekk kif aċċenna għar-riżultati pożittivi li ġab pajjiżna f'dan is-settur li qed iservu ta' eżempju għall-Unjoni Ewropea.
Waqt l-istess laqgħa, il-mexxejja ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa u kif din ser tkompli tiġi msaħħa fil-kuntest ġeopolitiku attwali fosthom bl-aggressjoni Russa fl-Ukrajna. It-tema tas-sigurtà u d-difiża kienet ukoll diskussa proprju jum qabel waqt summit informali bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea li sar ukoll f'Kopenħagen. F'din id-diskussjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li s-sapport lill-Ukrajna jibqa' kruċjali filwaqt li għandna nibqgħu nsostnu l-isforzi li qed isiru flimkien mas-sħab internazzjonali sabiex ikun innegozjat ftehim ta' paċi bil-parteċipazzjoni attiva tal-Ukrajna. Il-Prim Ministru fakkar ukoll l-impenn sħiħ ta' Malta bil-promozzjoni tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni li jibni fuq l-irwoli li kellu pajjiżna fl-OSCE u bħalissa fil-Kunsill tal-Ewropa.
Dwar id-difiża u s-sigurtà Ewropea, Dr Abela sostna li l-parteċipazzjoni f'dan ir-rigward għandha tibqa' waħda fuq bażi volontarja u flessibbli, b'rispett sħiħ għall-politika tal-Istati Membri kollha. Huwa saħaq fuq id-dimensjonijiet varji tas-sigurtà li l-Ewropa trid tħares lejhom sabiex ikun assigurat li l-Istati Membri jilħqu l-aspettattivi u jħarsu l-interessi taċ-ċittadini tagħhom.
Intant, fl-istess laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea, il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll f'attività fejn ġiet varata l-Koalizzjoni Ewropea kontra d-Drogi fejn ġew diskussi realtajiet differenti b'rabta ma' din il-pjaga soċjali. Matul din il-laqgħa, il-Prim Ministru rriafferma l-impenn ta' pajjiżna fil-ġlieda kontra ċ-ċrieki kriminali u t-traffikanti tad-droga, u tenna l-impenn tiegħu għal aktar kooperazzjoni internazzjonali sabiex jiżdiedu l-kontrolli tas-sigurtà u r-restrizzjonijiet fil-fruntieri.
Il-Prim Ministru Robert Abela kellu wkoll laqgħa mal-Prim Ministru tal-Armenja, Nikol Pashinyan, favur aktar koperazzjoni bilaterali.