Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

03/05/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/06/2026 01:59

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Deportat lejn is-Sirja wara li skonta sentenza ta’ ħabs għal omiċidju fl-2007

Fis-sigħat li għaddew, il-Pulizija tal-Immigrazzjoni mexxiet operazzjoni ta' ritorn lejn is-Sirja ta' raġel li kien wettaq omiċidju fil-limiti ta' Selmun, il-Mellieħa, fl-2007. Ir-raġel, li llum għandu 43 sena, kien skonta sentenza effettiva ta' ħabs wara li fl-2010 ammetta l-ħtija għal qtil ta' raġel ieħor u li kkawża ħsarat estensivi fuq il-vettura tal-vittma. L-individwu kien ilu Malta mill-2003.​​

Wara li skonta s-sentenza ta' ħabs, ir-raġel baqa' miżmum f'ċentru ta' detenzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi ta' Detenzjoni waqt li tlestew il-proċeduri relatati mad-deportazzjoni tiegħu mill-pajjiż. Dan sar possibbli wara li l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali ċaħdet żewġ talbiet għall-protezzjoni internazzjonali li kien għamel ir-raġel.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri enfasizza li d-deportazzjoni ta' individwi li jkunu wettqu reati gravi u vjolenti bħal dawn hija kwistjoni ta' interess pubbliku. "Is-soċjetà tagħna għandha interess li tiżgura li kriminali li huma ta' theddida għall-paċi u s-sigurtà tal-komunitajiet tagħna jitneħħew mill-pajjiż ladarba jkunu ħallsu d-dejn tagħhom mal-ġustizzja u skontaw is-sentenza ta' ħabs tagħhom."

"Il-messaġġ tal-lum huwa ċar: hemm konsegwenzi ċari għal persuni barranin li jwettqu reati f'Malta. Din l-azzjoni ssaħħaħ il-politika tagħna li persuni barranin li jabbużaw mil-liġijiet tagħna u jwettqu reati serji jitilfu d-dritt li jibqgħu f'Malta u jiġu deportati," stqarr il-Ministru Camilleri.

Il-Ministeru jibqa' impenjat lejn sistema ġusta li tgħin lil dawk li verament għandhom bżonn, filwaqt li jkompli jinforza b'mod rigoruż l-ordnijiet ta' deportazzjoni ta' individwi li jheddu s-sigurtà tal-poplu Malti jew li m'għandhomx id-dritt legali li jibqgħu f'pajjiżna.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on March 05, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on March 06, 2026 at 07:59 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]