Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/15/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/16/2026 09:43

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Jitniedu inizjattivi ġodda tal-enerġija rinnovabbli għall-familji u n-negozji

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, flimkien mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), nediet l-inizjattivi tal-enerġija rinnovabbli għall-2026 li se jkomplu jħaffu t-tranżizzjoni ta' Malta lejn enerġija aktar nadifa u sostenibbli.

"Dan il-pakkett jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern biex nimxu 'l quddiem fit-tranżizzjoni tal-enerġija f'Malta. Qegħdin ninvestu kemm f'infrastruttura fuq skala kbira kif ukoll fil-familji, biex niżguraw li kemm il-familji kif ukoll in-negozji jibbenefikaw minn enerġija aktar nadifa u aktar affordabbli, filwaqt li nsaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-enerġija nazzjonali," qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tar-REWS, Ing. Maria Aquilina, żiedet: "Dawn l-inizjattivi huma mfassla biex jagħmlu l-enerġija rinnovabbli aktar aċċessibbli f'kull livell. Minn proġetti kbar sa sistemi domestiċi, ir-REWS tibqa' impenjata li tappoġġja lill-applikanti permezz ta' gwida ċara u implimentazzjoni effettiva."

Il-pakkett jinkludi inizjattivi ta' enerġija rinnovabbli għall-familji u għall-industriji fi tliet kategoriji separati. Dawn huma: skemi ta' sapport għall-familji li jappoġġja investiment f'sistemi fotovoltajċi u ħażna tal-batteriji flimkien ma' Feed-in Tariff; Feed-in Tariff għal installazzjonijiet taħt l-40kWp (applikabbli kemm għal sistemi residenzjali kif ukoll għal dawk li mhumiex residenzjali); u l-Invitations to Bid (ITBs) tal-2026 għal proġetti ta' enerġija rinnovabbli fuq skala kbira.

Permezz tal-ITBs, il-Gvern se joffri kuntratti ta' 20 sena għal premium għal kull kilowatt-hour (kWh) ġġenerat. Il-proġetti se jintgħażlu permezz ta' proċess kompetittiv imsejjaħ "pay-as-bid" ibbażat fuq l-effiċjenza tal-ispejjeż u l-kapaċità disponibbli. Fl-2026, se jsiru żewġ sejħiet li jinkludu ITB waħda għal kull waħda mill-kategoriji ta' 40kW sa inqas minn 200kW u ta' 200kW sa inqas minn 1MW, li se jsiru fl-istess ħin. Il-kapaċità disponibbli għal kull sejħa se tkun ta' 2.5MW (40kW sa inqas minn 200kW) u 5000kW (200kW sa inqas minn 1MW). Dan ifisser li total ta' 15MW se jkun disponibbli għall-allokazzjoni. Il-prezz tal-offerta se jkun limitat għal €0.14/kWh. Sejħa separata għal installazzjonijiet ta' enerġija rinnovabbli ta' 1MW jew aktar se jkollha allokazzjoni ta' 38MW. Il-prezz massimu permess għall-offerti se jkun bejn €0.094/kWh u €0.177/kWh, skont it-tip u l-kategorija tal-installazzjoni.

Il-familji u entitajiet li jinstallaw sistema fotovoltajka fuq skala żgħira taħt l-40kWp, u li ma jibbenefikawx minn għotja, se jkomplu jirċievu Feed-in Tariff ta' €0.15/kWh, garantit għal 20 sena, b'allokazzjoni totali ta' 8MWp fl-2026. Matul l-aħħar tliet snin, 9.2MWp ingħataw Feed-in Tariff ta' €0.15/kWh mingħajr għotja.

Fl-istess ħin, ir-REWS se tkun qed tamministra skemi ta' enerġija rinnovabbli għall-familji b'baġit totali ta' €15.3 miljun, inklużi €4.1 miljun għal sistemi fotovoltajċi u €11.2 miljun għall-ħażna tal-batteriji. L-applikazzjonijiet jiftħu fl-20 ta' April 2026 u jibqgħu miftuħa sa Novembru 2026, jew sakemm jispiċċaw il-fondi.

L-iskema ta' sapport RES toffri tliet għażliet: sistema PV b'inverter ibridu; inverter ibridu/batterija flimkien ma' ħażna tal-batteriji; jew ħażna tal-batteriji biss. Sidien ta' installazzjonijiet fotovoltajċi fuq proprjetajiet residenzjali (anke dawk li ma jibbenefikawx minn ebda għajnuna fuq is-sistema fotovoltajka, jiġifieri mingħajr feed-in tariff jew għotja) u li ilhom konnessi mal-grid għal mill-inqas sitt snin jistgħu japplikaw għal inverter ibridu/batterija u ħażna tal-batteriji.

Se jkun hemm ukoll inċentiv finanzjarju addizzjonali ta' 5% għall-iskema ta' għotjiet għal tagħmir li jikkonforma mal-Net-Zero Industry Act (NZIA) tal-UE, li jippromwovi l-produzzjoni u l-adozzjoni ta' teknoloġiji ta' enerġija nadifa madwar l-Ewropa.



Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 15, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 16, 2026 at 15:43 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]