01/27/2026 | Press release | Distributed by Public on 01/28/2026 04:33
"Jum fejn niftakru li l-Olokawst ma bediex bil-kampijiet tal-mewt, iżda bil-kliem" - Id-Deputat Prim Ministru Borg
Fil-Jum Internazzjonali ta' Tifkira dwar l-Olokawst, it-Tlieta 27 ta' Jannar, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ingħaqad mal-Fondazzjoni Tayar u mal-ambaxxati tal-Ġermanja u ta' Iżrael għal attività ta' tifkira u riflessjoni dwar il-vittmi innoċenti li tilfu ħajjithom waqt l-Olokawst.
Dr Borg qal li dan il-jum ta' tifkira huwa sejħa biex nikkonfrontaw il-konsegwenzi tal-mibegħda, tar-razziżmu, u l-indifferenza. "Ifakkarna li l-Olokawst ma bediex bil-kampijiet tal-mewt, iżda bil-kliem, bl-esklużjoni u bit-tgħawwir gradwali tad-dinjità umana," hu stqarr.
Spjega li maż-żmien, it-tifkira ta' dawn il-mumenti koroh issir responsabbiltà kondiviża, mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra permezz tal-edukazzjoni, id-djalogu u rieda soda kontra kull forma ta' mibegħda. Sostna li "l-Olokawst huwa memorja li ma tistax tkun limitata biss għall-kotba tal-istorja jew għal ċerimonji annwali, iżda trid tkompli tifforma l-valuri tagħna u tiggwida l-għażliet u l-azzjonijiet tagħna."
Is-sena li għaddiet, permezz tat-tieni Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali Kontra r-Razziżmu, Malta poġġiet il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u forom oħra ta' mibegħda u razziżmu fiċ-ċentru tal-ħidma kontinwa lejn soċjetà aktar magħquda u inklussiva.
Il-kommemorazzjoni tat-Tlieta filgħaxija kienet indirizzata wkoll minn Sir Bernard Eder KC, li tkellem dwar l-esperjenza tal-familja tiegħu bħala rifuġjati tal-gwerra f'Malta, wara li ħarbu min-Nazzisti fi Vjenna. L-istoriku Nathaniel Calleja Gera tkellem dwar il-politika ta' Malta dwar l-immigrazzjoni matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Ritratti (ODPM-MFT/DOI)