03/26/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/27/2026 05:32
Is-St Philip Band Club AD 1851, jiġifieri l-Banda San Filep f'Ħaż-Żebbuġ, għadha kif ibbenefikat minn fondi permezz tal-NGO Co-Financing Fund, li l-għan tagħha hu li tgħin għaqdiet volontarji fil-kofinanzjament ta' proġetti ffinanzjati minn fondi Ewropej.
Fil-fatt din l-għaqda għadha kif implimentat proġett permezz tal-fondi Ewropej LEADER li bihom irrestawraw il-faċċata tal-bini storiku tal-każin li jinsab fil-qalba ta' Ħaż-Żebbuġ. Dan sabiex jiżgura l-integrità arkitettonika u l-estetika tiegħu.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju Mauro Pace Parascandalo.
Waqt iż-żjara, ġie nnutat kif l-NGO Co-Financing Fund qed joffri opportunità importanti lill-għaqdiet biex ikomplu jinvestu fi proġetti ta' kwalità, filwaqt li jsaħħu r-rwol tagħhom bħala pilastru ewlieni fis-soċjetà. Ġie enfasizzat ukoll li dawn l-investimenti mhux biss jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali, iżda wkoll jgħinu biex jinħolqu spazji aktar attraenti u funzjonali għall-komunità.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia fissret kif, "Dan l-investiment huwa eżempju ċar ta' kif il-Gvern qed ikompli jappoġġja b'mod konkret lis-settur volontarju, li għandu rwol essenzjali fil-ħajja soċjali u kulturali tal-pajjiż. Il-Banda San Filep mhux biss hija parti mill-wirt kulturali tagħna, iżda wkoll ċentru ta' komunità li jgħaqqad lin-nies flimkien."
"Permezz tal-NGO Co-Financing Fund qed inkomplu nsaħħu l-kapaċità tal-għaqdiet volontarji sabiex iwettqu proġetti ta' kwalità li jħallu impatt pożittiv u sostenibbli fil-lokalitajiet tagħna. Dan il-proġett f'Ħaż-Żebbuġ huwa xhieda ċara ta' kif dawn il-fondi kienu kruċjali biex inħarsu u nsaħħu l-identità storika u kulturali tagħna, u biex dan il-proġett jieħu l-ħajja," temmet tgħid il-ministru.
Il-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandalo qal, "Huwa ta' pjaċir li naraw għaqdiet li jkomplu jagħmlu użu kemm minn fondi Ewropej u dawk lokali sabiex iżidu l-kwalità ta' dak li joffru lill-komunità li fiha joperaw."
Apparti l-fondi minn din l-iskema, il-Banda San Filep ibbenefikat ukoll mill-Voluntary Organisations Project Scheme, mis-Small Initiatives Support Scheme, kif ukoll mill-iskema Kommunitajiet Aktar Inklussivi.