Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

10/20/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/21/2025 03:07

STQARRIJA MINN DR LYDIA ABELA: Mart il-Prim Ministru tippreżenta donazzjoni lill-Fondazzjoni Richmond mid-dħul tal-festival Nitkellem


D
r Lydia Abela ppreżentat lill-Fondazzjoni Richmond is-somma ta' €10,600 li se tgħin biex l-organizzazzjoni nongovernattiva tkompli toffri servizzi ta' appoġġ, terapija u taħriġ fil-qasam tas-saħħa mentali.

Din is-somma nġabret mill-ewwel edizzjoni tal-festival Nitkellem li organizzat mart il-Prim Ministru flimkien mal-Gvern ta' Malta fl-10 ta' Ottubru li għadda - mill-bejgħ tal-biljetti għall-kunċert oriġinali ta' Kelma Kelma Nota Nota kif ukoll mid-donazzjonijiet tan-nies matul il-jum ta' attivitajiet.

Lydia Abela qalet li huwa ta' sodisfazzjon li mijiet ta' Maltin u Għawdxin ipparteċipaw fil-festival Nitkellem fejn qassmu l-esperjenzi tagħhom b'mod miftuħ u rilassat, u għenu biex jiġu ġġenerati fondi għal kawża tant ġusta.

Waqt li ltaqgħet mal-ħaddiema u professjonisti tal-Fondazzjoni Richmond, Dr Abela qalet li huwa ta' serħan il-moħħ li llum jeżisti iktar għarfien dwar il-bibien li wieħed jista' jħabbat meta jħoss il-bżonn.

"Importanti li nkomplu nwasslu l-messaġġ li l-għajnuna teżisti. Tkellem u iftaħ qalbek. Żgur li se ssib min jisimgħek u jgħinek," appellat Lydia Abela.

Mart il-Prim Ministru temmet tgħid li l-ħidma fil-qasam tas-saħħa mentali teħtieġ ħidma kontinwa, fost oħrajn biex naraw li t-tfal jikbru f'ambjent inqas stressanti iżda wkoll biex intuhom l-għodda mentali li jgħinuhom jiffaċċjaw mumenti ta' sfidi f'ħajjithom.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Daniela Calleja Bitar esprimiet l-apprezzament tagħha għax-xogħol li qed twettaq Dr Abela mhux biss biex tiġbor fondi għal għaqdiet volontarji li jaħdmu f'dan is-settur, iżda wkoll biex tkompli tassigura li s-saħħa mentali tibqa' tingħata l-ikbar prijorità nazzjonali.

Iż-żewġ naħat irringrazzjaw lil kull min ta donazzjoni waqt il-festival Nitkellem kif ukoll lill-għaqdiet SOS Malta, Dar Kenn għal Saħħtek, l-attriċi Simone Spiteri u l-għawwiem Neil Agius għad-diskussjonijiet u l-attivitajiet li mexxew.

Preżenti għall-preżentazzjoni ta' din id-donazzjoni, flimkien ma' Dr Abela, kien hemm l-attur Ray Calleja f'isem Kelma Kelma Nota Nota.

Ritratti: OPM

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on October 20, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on October 21, 2025 at 09:07 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]