08/12/2025 | Press release | Distributed by Public on 08/13/2025 04:10
Kompla l-investiment fil-Korp tal-Pulizija biex ikompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-komunità u jkun mhux biss ta' servizz aqwa imma joffri wkoll ambjent aħjar lill-Uffiċjali tal-Pulizija u lill-komunità.
Dan billi reġa' fetaħ il-bibien tal-Għassa tar-Rabat wara xogħol estensiv ta' rinnovar, bl-għan hu li toffri servizz u tissaħħaħ is-sigurtà għar-residenti Rabtin u tal-madwar.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri tenna li qatt daqs illum ma l-Korp tal-Pulizija kellu preżenza qawwija fil-komunità u li dan il-Gvern qed ikompli jsaħħaħha bi proġetti bħal dawn.
"Din il-preżenza issa saħħaħniha wkoll fil-lokalità tar-Rabat sabiex naqdu lir-residenti tar-Rabat u anke tal-madwar, dan jingħaqad ma' preżenza qawwija fil-komunità li qiegħda twassalna wkoll sabiex pajjiżna fl-aħħar snin naqqas ir-rata ta' kriminalità u żamma baxxa b'mod konsistenti. Qed noffru wkoll ambjent aħjar lill-membri tal-Pulizija li mhux biss saħħaħna l-kundizzjonijiet u drittijiet tagħhom imma anke l-ambjent tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Kommessi li nibqgħu nagħtu l-aqwa riżorsi kollha possibbli lill-Korp tal-Pulizija biex imbagħad ikun ta' servizz għal pajjiżna."
Ix-xogħlijiet li ġew konklużi fir-Rabat, li inkludew rinnovar estensiv mhux biss fil-binja iżda anke fuq il-faċċata, jingħaqdu ma' bosta xogħlijiet oħra li għaddejjin fuq numru ta' għases fosthom fl-Imsida, il-Ħamrun u l-Imtarfa - li minn Uffiċċju tal-Pulizija tal-Komunità ser jinbidel fit-tieni Domestic Violence Hub fil-pajjiż, fost oħrajn.
Dan fi sfond li fl-aħħar snin il-Gvern fetaħ għassa tal-Pulizija ġdida state-of-the-art f'Marsaskala, fetaħ l-ewwel Gender and Domestic Violence Unit f'Santa Luċija, għamel rinnovar totali f'numru ta' għases bħal dawk ta' Marsalforn u s-Siġġiewi li llum qed joperaw 24/7 filwaqt li bidel għases sekondarji li tradizzjonalment kienu jkunu magħluqa u bdew jiġu konvertiti bħala uffiċini tal-community policing filwaqt li fetaħ oħrajn ġodda bħal dak f'Marsaxlokk.
Dan filwaqt li ġiet ukoll introdotta l-faċilità ta' remote reporting fejn persuna jkun jista' jagħmel rapport mill-kumdità ta' daru filwaqt li xorta waħda jkollu komunikazzjoni mal-Pulizija anke b'mod virtwali.
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà tenna li x-xogħlijiet ta' rinnovar estensivi li saru ġewwa l-Għassa tar-Rabat, kif ukoll xogħlijiet oħra ta' rinnovazzjoni li qed isiru fl-Għases huma intiżi biex jipprovdu post tax-xogħol komdu għall-Pulizija, post tax-xogħol li jsaħħaħ il-motivazzjoni tal-uffiċjali u jirrifletti f'servizz aħjar għall-komunità.
"Dak li ħdimna u għadna qed naħdmu fuqu huwa li nkomplu nimxu minn Korp reattiv għal wieħed iżjed preventiv, fejn permezz tal-preżenza tagħna u dak imsejjaħ intelligence-led policing, il-focus tagħna jsir il-prevenzjoni tar-reati. F'Malta u Għawdex bħalissa għandna 24 għassa miftuħa 24/7 bħalissa," sostna l-Kummissarju tal-Pulizija.
Temm jgħid li l-korp kommess li jkompli jtejjeb il-binjiet minn fejn jopera b'rinnovazzjonijiet maġġuri bil-għan li tkompli titwettaq il-missjoni tal-korp, li jipprovdi servizz professjonali u fdat biex jiġi żgurat li jkollna pajjiż sigur fi sħubija mal-komunità.
Fil-fatt, mhux biss l-istatistika tal-NSO tgħid li 90% tal-poplu Malti u Għawdxi għandu fiduċja fil-Pulizija iżda anke r-Rule of Law Index jgħid li s-sigurtà ta' pajjiżna hi waħda b'saħħitha u jpoġġi lil Malta mal-iktar għaxar pajjiżi siguri fid-dinja.
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, spjega kif, "Illum hija ġurnata speċjali għalina u għar-residenti, hekk kif se jkollna preżenza aqwa ta' Pulizija fil-lokalità tagħna, il-ftuħ ta' din l-Għassa tfisser preżenza aqwa tal-Pulizija."
L-investiment fl-għases jingħaqad mal-investiment fir-riżorsa umana b'aktar drittijiet u titjib sinifikanti fil-kundizzjonijiet tal-Pulizija, immodernizzar tal-flotta u l-għodod li jaħdmu bihom, l-introduzzjoni tal-body-worn cameras u titjib kontinwu fl-ambjent tax-xogħol, anke b'uniformi moderna u aktar prattika.
Ritratti: DOI/MHSE