Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

01/22/2026 | Press release | Distributed by Public on 01/23/2026 09:04

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jipparteċipa f’Laqgħa Informali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, b’messaġġ ta’ kawtela u prudenza[...]

Il-ħtieġa ta' prudenza, il-kawtela u l-appoġġ għall-isforzi favur il-paċi u d-dieskalazzjoni kienu fost il-messaġġi ewlenin indirizzati mill-Prim Ministru Robert Abela mal-bqija tal-Mexxejja Ewropej waqt il-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew li saret fi Brussell fit-22 ta' Jannar 2026.​​

F'din il-laqgħa li ssejħet mill-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa fi sfond ta' inċertezza ġeopolitika, il-Prim Ministru Robert Abela esprima t-tħassib ta' Malta dwar l-eskalazzjoni u t-ton li kkaratterizza d-diskussjoni marbuta ma' Greenland. Huwa tenna s-solidarjetà sħiħa ta' Malta mad-Danimarka u mal-poplu ta' Greenland, u saħaq li kull deċiżjoni dwar Greenland għandha tittieħed biss minn Greenland u r-Renju tad-Danimarka, skont il-liġijiet internazzjonali u ċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti.

Filwaqt li laqa' l-iżviluppi li seħħew matul l-aħħar jiem f'dan ir-rigward, il-Prim Ministru enfasizza li f'din il-fażi sensittiva hemm bżonn li l-komunikazzjoni tkun meqjusa u kull pass u azzjoni jkunu meħuda b'kawtela. Huwa wissa kontra kwalunkwe pass li jista' jeskala t-tensjonijiet jew li jpoġġi pressjoni ġeopolitika mhux neċessarja fuq stati iżgħar.

"Minkejja li l-aħħar żviluppi huma pożittivi, din żgur mhux kwistjoni mitmuma. Anzi nemmen illi l-ġimgħat li ġejjin se jkunu aktar sensittivi, u dan ifisser li rridu nkunu meqjusa ħafna fi kliemna, meqjusa fl-azzjonijiet tagħna u li konsistentement nifhmu li qegħdin inħarsu lejn sitwazzjoni ġeopolitika li d-dinja ma ratx bħala fl-aħħar għexieren ta' snin. Jiġifieri kollettivament bħala Unjoni Ewropea għandha responsabbiltà u rridu nkunu attenti ħafna f'dak kollu li nagħmlu, u rridu naġixxu b'maturità u b'responsabbiltà sabiex ma nagħmlu xejn li jista' jeskala t-tensjonijiet jew inpoġġu lilna nfusna taħt pressjoni," qal il-Prim Ministru wara s-Summit.

Id-diskussjonijiet waqt is-summit indirizzaw ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-isforzi favur il-waqfien mill-ġlied f'Gaża. Il-Prim Ministru ġedded l-appoġġ ta' Malta lejn kull inizjattiva li timbotta 'l quddiem il-paċi u d-djalogu. F'dan il-kuntest, Dr Abela rrefera għad-diskussjonijiet dwar il-Bord tal-Paċi li ġie xprunat mill-Istati Uniti u saħaq li tali mekkaniżmi għandhom jintużaw biex jgħaqqdu u mhux biex jifirdu. Huwa tenna li jrid ikun hemm pragmatiżmu u diskussjoni kostruttiva fuq kull sforz li jressaqna lejn l-għan aħħari tal-paċi.

"L-intervent tiegħi kien illi dan il-bord għandna nħarsu lejh mhux neċessarjament biex l-Unjoni Ewropea u l-istati membri kollha jingħaqdu fih immedjatament, imma għandna narawh bħala opportunità, u minflok ikun punt ta' diverġenza għandna naraw li nużawh bħala punt ta' konverġenza," sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru temm billi tenna l-impenn konsistenti ta' Malta favur id-djalogu, il-kawtela u r-rispett lejn il-liġijiet internazzjonali bħala l-uniku triq lejn paċi sostenibbli.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on January 22, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on January 23, 2026 at 15:04 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]