Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

05/02/2025 | Press release | Distributed by Public on 05/03/2025 02:33

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

Diskuss l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fis-sistema ġudizzjarja lejn aktar aċċessibbiltà u effiċjenza għaċ-ċittadini

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti attendew għal workshop organizzat mill-Fakultà tal-Liġi u l-Fakultà tal-ICT fl-Università ta' Malta li qed iħejju għall-konklużjoni tal-proġett AMPS (Artificial Intelligence in the Maltese Justice System), li sar possibbli grazzi għall-finanzjament ta' Xjenza Malta u bl-appoġġ kontinwu tal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni.

Il-Ministru Attard beda billi jgħid li t-tibdil li qegħdin nesperjenzaw u ngħixu f'din l-era ta' avvanz teknoloġiku mgħaġġel, huwa evidenti li l-Intelliġenza Artifiċjali (AI), mhix kunċett biss tal-futur, iżda għodda li qiegħda tfassal mill-ġdid ħajjitna, xogħolna u s-servizz offrut lill-pubbliku.

Il-proġett AMPS jiffoka fuq kif l-intelliġenza artifiċjali tista' sservi ta' għodda ta' appoġġ fil-proċessi ġudizzjarji, b'mod partikolari fil-Qorti tat-Talbiet Żgħar, u wassal għall-iżvilupp ta' prototip diġitali. Din it-teknoloġija għandha l-għan li tgħin lill-ġudikatura b'analiżi ta' dokumenti u każistika simili, u b'hekk iżżid l-effiċjenza u tnaqqas il-ħin meħtieġ għall-proċessar tal-każijiet.

Dan il-proġett jikkonferma wkoll l-impenn tal-gvern fil-manifest li jirrikonoxxi li l-intelliġenza artifiċjali tista' tintuża fil-Qrati billi tiġbor informazzjoni fuq każijiet simili u sentenzi tagħhom.

Il-Ministru Attard żied ifakkar li l-Kummissjoni għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa (CEPEJ), sitt snin ilu adottat l-ewwel test Ewropew li jistabbilixxi prinċipji etiċi relatati mal-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-sistemi ġudizzjarji. Dan filwaqt li din is-sena kien ippubblikat l-ewwel rapport dwar l-użu tal-AI fil-ġustizzja maħruġ miċ-CEPEJ.

Dr Attard żied jirrimarka wkoll kif ftit tal-ġimgħat ilu, waqt l-24 edizzjoni tal-Commonwealth Law Conference li kienet ospitata f'Malta, dan is-suġġett kien ċentrali. Semma kif l-istess Commonwealth qed taħdem fuq proġett li permezz tiegħu jiġbor u janalizza l-liġijiet minn kull pajjiż permezz tal-AI.

Il-ministru għamilha ċara li l-AI mhix se tissostitwixxi d-deċiżjonijiet kritiċi mistennija mill-imħallfin, maġistrati jew arbitri, iżda għandha sservi bħala għodda għall-professjonisti legali biex iwettqu r-riċerka tagħhom.

"L-għan m'għandux ikun biss li l-ġustizzja tkun servuta, iżda li tkun aċċessibbli, effiċjenti u ekwa għal kulħadd", tenna jgħid il-Ministru Attard.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li, "Il-proġett AMPS jirrappreżenta pass kbir 'il quddiem fil-mod kif nagħtu spinta lill-ġustizzja permezz tat-teknoloġija. Din mhix biss sistema intelliġenti - hija prova konkreta ta' kif l-Intelliġenza Artifiċjali tista' taħdem flimkien mal-bniedem, mhux biex tieħu postu, iżda biex issaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq informazzjoni preċiża u f'waqtha. B'din l-inizjattiva, Malta qed tikkonferma l-impenn tagħha li tinvesti f'innovazzjoni etika, trasparenti u mmexxija mill-valuri li jagħmluna soċjetà ġusta u b'saħħitha."

Fost dawk li attendew għal din il-konferenza kien hemm preżenti s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni s-Sur Johan Galea, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati s-Sinjura Vanessa Grech, id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-​Prof. Ivan Mifsud u l-Eks Ġudikatur tat-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar Dr Juliana Scerri Ferrante.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on May 02, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on May 03, 2025 at 08:33 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at support@pubt.io