Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

06/18/2026 | Press release | Distributed by Public on 06/19/2026 08:41

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ 65 rekluta ġdida jingħaqdu mal-Forzi Armati ta’ Malta



Ilbieraħ, 65 rekluta ġdida tal-Forzi Armati ta' Malta temmew uffiċjalment it-taħriġ tagħhom bil-Passing Out Parade li saret fil-Barracks tal-Forzi Armati ta' Malta f'Ħal Luqa. Matul iċ-ċerimonja, il-65 rekluta, fosthom 8 nisa, ġew ingaġġati uffiċjalment bħala Gunners mal-Forzi Armati ta' Malta.

Għall-parata attendew il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, il-Kmandant tal-Forzi Armati ta' Malta, il-Brigadier Clinton O'Neill, uffiċjali għolja tal-Forzi Armati ta' Malta, mistednin distinti, kif ukoll il-familji u l-ħbieb tal-Gunners il-ġodda.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Bedingfield qal li s-servizz, lejn il-pajjiż huwa l-akbar unur u privileġġ, filwaqt li saħaq li din il-parata għandha sinifikat doppju, hekk kif din kienet l-ewwel Passing Out Parade kemm għar-rekluti kif ukoll għalih fil-kariga ta' Ministru għall-Intern u s-Sigurtà.

"Għalikom dan huwa mument li jimmarka t-tmiem ta' perjodu intensiv ta' taħriġ u l-bidu ta' karriera ta' servizz lejn pajjiżna. Għalija huwa ta' unur li l-ewwel żjara tiegħi f'dawn il-Barracks hija għal din l-okkażjoni ta' rekluti ġodda - intom il-futur tal-Armata tagħna," qal il-Ministru.

B'kollox kien hemm 191 applikant, 87 għaddew mill-proċess ta' selezzjoni. Minn dawn, 84 bdew it-taħriġ f'Jannar li għadda, filwaqt li 65 rekluta lestew b'suċċess kors impenjattiv ta' madwar 22 ġimgħa.

Matul dan il-perjodu, ir-rekluti ngħataw taħriġ komprensiv f'diversi oqsma essenzjali għall-ħidma militari, inkluż taħriġ fiżiku intensiv, drill ċerimonjali, l-użu sigur tal-armi tas-servizz, fieldcraft, eżerċizzji fuq il-post, l-ewwel għajnuna, il-qari tal-mapep, il-proċeduri tal-komunikazzjoni u l-għarfien militari. Dan it-taħriġ sar f'diversi faċilitajiet tal-Forzi Armati ta' Malta.

Il-Ministru rringrazzja lill-instructors u lill-uffiċjali kollha tal-Forzi Armati ta' Malta għad-dedikazzjoni tagħhom fit-taħriġ tar-rekluti u għat-trasmissjoni tal-għarfien, il-valuri u l-esperjenza tagħhom lill-ġenerazzjoni l-ġdida ta' suldati.

Huwa enfasizza wkoll l-importanza dejjem tikber tal-irwol tal-Forzi Armati ta' Malta fis-sorveljanza marittima, is-sigurtà tal-fruntieri, l-operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ, l-assistenza waqt emerġenzi u l-kontribut għas-sigurtà nazzjonali.

"L-uniformi li tilbsu ġġib magħha responsabbiltà kbira, iżda wkoll privileġġ kbir: dak li sservu lil Malta u lill-poplu Malti. F'isem il-Gvern ta' Malta u tal-poplu Malti, nirringrazzjakom talli għażiltu li taqdu lil pajjiżkom," qal il-Ministru Glenn Bedingfield.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta' Malta, il-Brigadier Clinton O'Neil qal li: "Matul dawn l-aħħar xhur intom għaddejtu minn taħriġ intensiv li kontinwament poġġa għall-prova l-kapaċitajiet fiżiċi u r-reżiljenza mentali tagħkom. Dħaltu hawn bħala individwi fejn ġejtu mgħallma kif taħdmu flimkien, u llum qegħdin narawkom magħqudin bħala skwadra."


​​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on June 18, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on June 19, 2026 at 14:41 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]