Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

09/22/2025 | Press release | Distributed by Public on 09/23/2025 07:56

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Il-Forti Binġemma jiġi trasferit[...]


Il-Gvern nieda uffiċjalment l-inizjattiva ta' Space Park Malta permezz tat-trasferiment tal-Forti storiku ta' Binġemma lil Xjenza Malta. Din it-trasformazzjoni se tagħti ħajja ġdida lil sit militari magħluq, billi tikkonvertih f'ċentru nazzjonali għax-xjenza, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni.

L-aħbar tħabbret f'Villa Bighi mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici sostna li, "Il-Forti Binġemma għandu valur storiku u kulturali kbir, u permezz ta' din it-trasformazzjoni se jsir ukoll simbolu ta' kif il-wirt tagħna jista' jinbidel f'mutur ta' tkabbir xjentifiku u edukattiv. B'dan il-pass, qegħdin nuru kif Malta tista' tqiegħed l-identità storika tagħha bħala pedament għal futur ta' innovazzjoni u tagħlim."

Fl-assenza tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, li kien indispost, il-Kap Eżekuttiv ta' Xjenza Malta, Silvio Scerri, qal li, "Dan il-proġett jirrappreżenta għażla ċara li l-wirt tagħna għandu jaħdem għall-ġid pubbliku u mhux jibqa' wieqaf jew minsija. Permezz ta' Space Park Malta, qegħdin nagħtu spazju fejn ix-xjenza u l-innovazzjoni jiltaqgħu mal-edukazzjoni u l-familji, u b'hekk nibnu futur ibbażat fuq l-għarfien u l-opportunità. Din hija parti mill-Viżjoni Malta 2050 li tħares lejn pajjiż aktar reżiljenti u kompetittiv fis-setturi emerġenti."

Space Park Malta se jiġi żviluppat b'rispett sħiħ lejn il-karattru storiku tal-forti, filwaqt li joffri infrastruttura moderna bħaċ-Ċentru għall-Osservazzjoni tad-Dinja biex jintuża dejta bis-satellita għas-sikurezza marittima, il-monitoraġġ ambjentali u l-użu tal-art. Il-park se jinkludi wkoll l-Osservatorju tar-Ricerka kif ukoll wieħed pubbliku, li jagħti lill-istudenti u lill-familji aċċess għas-smewwiet permezz ta' tagħlim iggwidat, kif ukoll Esplora Space li se jkun il-qalba tal-park bil-wirjiet, il-programmi għall-iskejjel u l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni.

Il-proġett jinkludi wkoll librerija pubblika diġitali u tradizzjonali, faċilitajiet għall-ħolqien tal-midja, u spazji kollaborattivi għat-tagħlim u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, se joffri ambjent iddedikat għall-istart-ups fil-qasam spazjali, b'għan li jrawwem ekosistema ekonomika ġdida li tgħaqqad l-intraprenditorija u x-xjenza.

Is-sostenibbiltà se tkun parti integrali mid-disinn, bl-użu ta' enerġija solari, sistemi intelliġenti ta' ġestjoni tal-enerġija, ħsad ta' ilma tax-xita, ġonna pubbliċi u spazji miftuħa bi tħawwil indiġenu u dawl li jħares is-smewwiet notturni Maltin.

It-trasformazzjoni tal-Forti Binġemma fi Space Park Malta tissimbolizza impenn nazzjonali biex pajjiżna jonora l-passat, jarrikkixxi l-preżent u jipprepara futur mibni fuq ix-xjenza, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni.


​​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on September 22, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on September 23, 2025 at 13:56 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]