12/17/2025 | Press release | Distributed by Public on 12/18/2025 08:31
Jidħlu fis-seħħ l-emendi wara li ġew approvati unanimament mill-Parlament
Għall-ewwel darba fl-istorja, il-Belt Valletta se tkun imnaqqxa formalment fil-Kostituzzjoni bħala l-Belt Kapitali ta' Malta, filwaqt li s-27 ta' Diċembru ukoll se jkun imnaqqax formalment fil-Kostituzzjoni bħala l-jum iddedikat lill-Innu Malti.
Wara li l-proposti leġislattivi mressqa mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ġew approvati unanimament mill-Kamra tad-Deputati, illum dawn daħlu formalment fis-seħħ u issa saru parti mill-Kostituzzjoni ta' Malta.
B'reazzjoni għal dan, il-Ministru Owen Bonnici qal, "Illum hi ġurnata li tiġbor fiha mument ieħor sabiħ fl-istorja unika ta' din il-Belt, Valletta - barokka u maestuża - u mument ieħor ta' għaqda nazzjonali bl-Innu Malti issa se jkollu jum dedikat għalih. Dawn iż-żewġ inizjattivi jkomplu jiċċelebraw dak li jġibna flimkien bħala poplu wieħed u magħqud."
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli laqgħet b'sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-emendi mill-Parlament li bihom il-Belt Valletta qed tiġi rikonoxxuta fil-liġi bħala l-kapitali ta' Malta, kif ukoll id-deċiżjoni li s-27 ta' Diċembru jkun jum iddedikat għall-unur tal-Innu Nazzjonali. Hija rrimarkat li dan il-pass storiku jsaħħaħ b'mod konkret il-kburija fl-identità nazzjonali tagħna bħala Maltin.
"Hekk kif daħlu fis-seħħ l-emendi wara li ġew approvati unanimament mill-Parlament, dan ifisser rikonoxximent ċar ta' dak li aħna u ta' dak li jgħaqqadna bħala poplu. Il-Belt Valletta mhix biss ċentru amministrattiv, iżda simbolu ħaj tal-istorja, il-kultura u r-reżiljenza tagħna, filwaqt li l-Innu Malti jibqa' espressjoni qawwija tal-valuri u l-għaqda nazzjonali," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.
Il-provvediment b'rabta mal-Belt Kapitali ta' Malta l-Belt Valletta ġie wkoll entrenched, li jfisser li jekk fil-futur il-Parlament ikun irid jibdel dan il-provvediment ikun hemm ħtieġa tal-kunsens ta' mill-inqas żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.
Intant irid jingħad li s-27 ta' Diċembru tal-1922, kien il-jum li fih indaqq għall-ewwel darba l-Innu Malti u kien għalhekk li mil-lum 'il quddiem dan se jkun il-jum, imħares mill-Kostituzzjoni, bħala l-jum dedikat għall-Innu Malti.