Results

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/11/2025 | Press release | Distributed by Public on 04/12/2025 01:25

STQARRIJA MILL MINISTERU GĦALL AMBJENT, L ENERĠIJA U L INDAFA PUBBLIKA: Aktar spazji ħodor għall komunità tal Birgu


Il-komunitajiet madwar Malta qed jibbenefikaw minn aktar spazji miftuħa u mfassla aħjar - u l-Birgu mhuwiex eċċezzjoni. Fil-Birgu, ix-xogħlijiet ta' tisbiħ f'wieħed mis-siti waslu fi tmiemhom filwaqt li ser jibda t-tieni proġett kbir, dak ta' spazju miftuħ ġdid, immexxi mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC).

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, żaru ż-żewġ siti flimkien mar-rappreżentanti tal-GHRC u Ambjent Malta, kif ukoll is-Sindku tal-Birgu, John Boxall.

Waħda minn dawn iż-żjarat immarkat il-bidu tax-xogħlijiet fuq is-sit li kien jintuża biex jinħażen iż-żejt - żona ta' 1500m² li se tinbidel f'ġnien stil Mediterranju mill-GHRC. L-ispazju se jinkludi pjanti indiġeni, żoni għall-piknik, mogħdijiet għall-mixi, u teatru miftuħ ta' 400m² għal attivitajiet. Dan jifforma parti mix-xogħlijiet usa' ta' riġenerazzjoni tal-GHRC madwar ix-xatt tal-Kalkara.

"Kemm jekk hi riġenerazzjoni kbira jew titjib fil-lokalitajiet, qed nadottaw modi olistiċi fost l-entitajiet kollha sabiex inressqu l-ispazji miftuħa eqreb lejn in-nies. Ix-xogħlijiet fil-Birgu huma eżempju ċar ta' kif qed noħolqu spazji komunitarji sbieħ, aċċessibbli u li jservu fit-tul. Dawn il-proġetti jibnu fuq inizjattivi ħodor oħra fil-lokalità, fosthom il-Ġnien fuq il-Glażiż, li jkompli jsaħħaħ in-netwerk ta' spazji miftuħa fil-Birgu," qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi, enfasizza d-disinn sostenibbli tal-ġnien. "Billi npoġġu saffi ta' 8ċm ġebel fuq 50ċm ta' ħamrija, qed innaqqsu t-telf ta' ilma u nappoġġjaw il-pjanti lokali. Permezz ta' għajn naturali li skoprejna waqt il-proġett tax-Xewkija se tmur dirett f'reservoirs li se jgħinu biex l-ispazju jinżamm b'mod sostenibbli."

Il-ministru żaret ukoll proġett minn Ambjent Malta fid-daħla tal-Birgu. B'investiment ta' €230,000 sar it-tqegħid mill-ġdid tal-ħamrija, landscaping u l-installazzjoni ta' membrane protettiv fuq xelters storiċi taħt l-art.

Id-Direttur Ġenerali ta' Ambjent Malta, Herman Galea, qal, "Dan il-proġett itejjeb il-kwalità ambjentali taż-żona filwaqt li jirrispetta l-karattru uniku tas-sit. Huwa eżempju ċar ta' kif nistgħu ngħaqdu t-titjib prattiku mas-sensittività lejn il-wirt storiku."


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 11, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 12, 2025 at 07:25 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]