Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

10/06/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/07/2025 11:52

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta tospita l-1539 Laqgħa tal-Kumitat tad-Deputati tal-Ministri[...]

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, fetaħ il-1539 laqgħa tal-Kumitat tad-Deputati tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li tlaqqgħet mill-Presidenza Maltija ta' din l-organizzazzjoni, fil-Palazz Verdala, it-Tlieta filgħodu.

Il-Kumitat tad-Deputati tal-Ministri jinkludi fih ir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, sabiex isegwu l-attivitajiet tal-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u s-saltna tad-dritt.

Fid-diskors tiegħu bħala l-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, Dr Borg enfasizza l-irwol kruċjali ta' dan il-Kunsill bħala gwida b'saħħitha, imsejsa fuq il-valuri, f'dinja dejjem aktar kumplessa, b'żieda fl-attakki kontra l-istituzzjonijiet internazzjonali, attentati biex tiġi mdgħajfa s-saltna tad-dritt, u theddidiet għall-valuri demokratiċi.

"Permezz tal-mandat uniku tiegħu, il-Kunsill jista' jkattar l-għaqda, isaħħaħ l-istandards demokratiċi, u jgħin biex nibnu futur imsejjes fuq il-paċi u l-ġustizzja," hu stqarr.

Id-Deputat Prim Ministru appella lill-Kunsill tal-Ewropa biex jispira impenn kollettiv aktar b'saħħtu billi jiżgura li x-xogħol tiegħu jkun aktar viżibbli u mifhum b'mod ċar, fis-soċjetà kollha, "għax fl-aħħar mill-aħħar, is-saħħa tal-valuri kondiviżi tagħna tiddependi mhux biss fuq kif niddefenduhom fi Strasburgu, imma wkoll fuq kif nifhmuhom, kif ngħixuhom u mmexxuhom 'il quddiem fil-komunitajiet, fl-iskejjel u fil-konverżazzjonijiet tan-nies madwar l-Ewropa kollha."

F'dan ir-rigward, huwa faħħar id-deċiżjoni tal-Presidenza Maltija li terġa' tintroduċi l-Laqgħa Ministerjali taż-Żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa, li ser issir fil-Belt Valletta din il-ġimgħa, wara nuqqas ta' 13-il sena. Din il-Laqgħa tikkonferma l-impenn kollettiv lejn is-sehem taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-futur tal-Ewropa.

Hekk kif il-komunità internazzjonali fakkret it-tieni sena mill-attakk terroristiku tal-Ħamas fis-7 ta' Ottubru 2023, Dr Borg tenna s-sejħa ta' Malta għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha, u għat-tmiem urġenti tal-kriżi umanitarja u t-tbatijiet li segwew f'Gaża f'dawn l-aħħar sentejn.

Huwa tkellem ukoll dwar il-gwerra t'aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u enfasizza l-impenn tal-Presidenza Maltija li tmexxi 'l quddiem l-isforzi biex jiġi stabbilit it-Tribunal Speċjali dwar ir-Reat ta' Aggressjoni - "għaliex mingħajr responsabbiltà, ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni, u mingħajr ġustizzja, ma jistax ikun hemm paċi dejjiema."

Il-laqgħa tat-Tlieta tmexxiet mir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, Francesca Camilleri Vettiger, f'isem il-Presidenza Maltija. Kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, u mill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, Theodoros Rousopoulos.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on October 06, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on October 07, 2025 at 17:52 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]