Waqt żjara li saret li fil-Head Office ta' servizz.gov fil-Mosta mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonnett u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, ingħataw aktar dettalji dwar il-ħinijiet il-ġodda li bihom bdew joperaw iċ-ċentri ta' Servizz.gov.
Dan hekk kif minn din il-ġimgħa ċ-ċentri kollha ta' Servizz.gov bdew jiftħu wkoll s-Sibtijiet bejn it-8am u nofsinhar. Apparti minn hekk il-25 ċentru ta' servizz.gov se jibdew jiftħu kuljum mid-9.30am sas-2pm, b'kull ċentru jiftaħ ukoll sas-6pm darba fil-ġimgħa.
Il-Ministru Chris Bonnett laqa' b'sodisfazzjon dawn it-tibdiliet li komplessivament jfissru aktar sigħat ta' servizz għal pubbliku filwaqt li jevitaw il-peak hours tal-ġurnata fejn il-volum ta' vetturi fit-toroq ikun l-aktar qawwi. Huwa sostna li prattiċi bħal dawn kienu waħda mill-miżuri fil-pjan "Reshaping our Mobility", bl-għan li servizzi meqjusa mhux essenzjali jingħataw f'ħinijiet alternattivi biex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq it-traffiku. Il-Ministru Bonett spjega kif fil-ġimgħat li ġejjin, Transport Malta wkoll ser tkun qed tħabbar ħinijiet ta' ftuħ ġodda, b'enfasi fuq il-qalba diġitali fejn numru ta' servizzi diġà huma aċċessibbli online. Huwa tenna l-importanza ta' miżuri bħal dawn li flimkien ma' oħrajn, inaqqsu d-domanda fuq il-mobbiltà u l-użu tal-vetturi. "Dan kollu huwa parti minn kullana ta' miżuri li qed nimplimentaw bħala Gvern f'dan il-qasam, fosthom b'żidiet fil-park and ride, investiment fit-trasport pubbliku u rotot ġodda bil-baħar," temm jgħid il-Ministru Bonett.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li s-sigħat ġodda tal-ftuħ taċ-ċentri ta' Servizz.gov se jfissru aktar minn 450 siegħa addizzjonali ta' servizz fix-xahar. Huwa fisser kif f'dinja dejjem aktar diġitali, xorta nibqgħu ninvestu f'dawn iċ-ċentri biex il-klijenti tagħna jkollhom għażla sħiħa ta' kif jirċievu l-aqwa servizz.
Il-Ministru Chris Bonett u l-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana, intlaqgħu mill-Kap Eżekuttiv ta' Servizz.gov is-Sur Massimo Vella u ddawru mal-uffiċini fejn iltaqgħu mal-impjegati.