Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

10/09/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/10/2025 05:20

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER “Il-ġlieda kontra l-ġuħ trid issir dmir morali u leġiżlattiv – mhux kelma ta’ mħabba mingħajr azzjoni”- L-Ispeaker Anġlu Farrugia

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, fetaħ sessjoni plenarja speċjali fil-Parlament f'okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ikel, fejn wissa li l-ġuħ jibqa' waħda mill-akbar kontradizzjonijiet tal-era moderna. Huwa enfasizza li minkejja l-progress teknoloġiku u xjentifiku li għamlet id-dinja, il-ġuħ u l-ħela tal-ikel jibqgħu jirrappreżentaw nuqqas globali ta' solidarjetà u ġustizzja, fejn miljuni ta' tunnellati ta' ikel jintremew kull sena filwaqt li miljuni ta' bnedmin oħra għadhom jistennew platt sempliċi biex jgħixu.

L-Ispeaker qal li l-problema tal-ġuħ mhijiex riżultat tan-natura iżda frott in-nuqqas ta' għaqal u ta' rieda politika biex jinqasam dak li għandna. Huwa semma sitwazzjonijiet bħal dawk fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Gaza, is-Saħel u pajjiżi oħra fejn il-ġuħ mhux biss derivat minn nixfiet jew għargħar iżda minn kunflitti armati u ostakli għall-għajnuna umanitarja. Huwa żied li anke f'soċjetajiet sinjuri, il-ħela tal-ikel saret parti mill-kumdità ta' kuljum u dan juri kemm in-nuqqas u l-abbundanza huma żewġt uċuħ tal-istess problema.

Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker saħaq fuq il-ħtieġa li l-innovazzjoni u t-teknoloġija jintużaw b'sens ta' ġustizzja u solidarjetà. Huwa semma li hemm diversi sistemi bħal dawk li jiġbru ilma mill-arja, sistemi polimeriċi li jitħalltu mal-ħamrija li jżommu l-umdità fl-istess-ħamrija u sistemi ta' użu mill-ġdid ta' ilma trattat bħall-"New Water", bħala eżempji ta' soluzzjonijiet prattiċi li għandhom isiru disponibbli għall-umanità kollha. Skontu, Malta għandha l-esperjenza u l-għarfien biex tkun minn ta' quddiem f'din il-bidla, speċjalment fil-qasam tal-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u tal-agrikoltura fil-Mediterran u fl-Afrika.

L-Ispeaker faħħar l-isforzi tal-Gvern ta' Malta biex jindirizza l-ħela tal-ikel permezz ta' strateġiji bħal-Long-Term Waste Management Plan 2021-2030 u l-Malta Strategy for Resilient Food Systems. Huwa rrikonoxxa l-ħidma tal-Malta Food Agency, l-inizjattiva Żomm Tarmix u l-pjattaforma diġitali li tiffaċilita t-tqasim ta' ikel żejjed b'mod sigur. Barra minn hekk, l-ispeaker laqa' b'sodisfazzjon l-abbozz ta' liġi dwar il-ħela tal-ikel imressaq minn Ivan Bartolo, u qal li dan jista' jkun pass importanti lejn qafas leġiżlattiv aktar komprensiv, ibbażat fuq koperazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Fl-għeluq tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-ġlieda kontra l-ġuħ trid issir dmir morali u legali, fejn il-Parlamenti jkunu l-forza li tgħaqqad il-kelma mal-fatt u timpenja lill-gvernijiet biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom. Huwa saħaq li l-ikel għandu jitqies bħala dritt legali u mhux privileġġ tal-ftit, u li l-veru test tal-umanità jitkejjel mhux b'kemm nitkellmu dwar il-ġuħ, iżda b'kemm innaqqsuh.​​

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Rebekah Borg, mill-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura, is-Sajd u t-Trasport Toni Bezzina, mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, kif ukoll diversi kelliema lokali u barranin.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on October 09, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on October 10, 2025 at 11:21 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]